Isabel Caño Aguilar minn Spanja, membru tal-Grupp tal-Ħaddiema, se tkun wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għal terminu ta’ sentejn u nofs bejn l-2018 u l-2020. Hija se tkun responsabbli għall-kwistjonijiet ta' komunikazzjoni. Hija se tokkupa waħda mill-ogħla pożizzjonijiet fil-KESE flimkien mal- President elett il-ġdid Luca Jahier, mill-Italja, eks-President tal-Grupp ta’ Interessi Varji, u l-Viċi President Milena Angelova mill-Bulgarija, membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, li se tkun il-Viċi President għall-kwistjonijiet baġitarji.
Wara l-elezzjoni tagħha, il-Viċi President responsabbli għall-komunikazzjoni, Isabel Caño Aguilar, qalet: “Il-KESE huwa verament il-punt ta’ djalogu, il-pont bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini Ewropej. U f’dan ir-rwol, irridu nisimgħu u nitkellmu. Taħt ir-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħi fil-qasam tal-komunikazzjoni, aħna se nsaħħu l-komunikazzjoni dwar xi tfisser l-Ewropa u fejn tinsab ir-responsabbiltà tal-Kumitat fil-kostruzzjoni tal-Ewropa. Nemmen li għandna nsemmgħu aħjar il-fehmiet tagħna u nużaw l-inizjattivi lokali sabiex nirrapportaw dwar is-sitwazzjoni reali fuq il-post. Huwa biss b’dan il-mod li ser inkunu nistgħu nikkontribwixxu biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-kontinent tagħna.”
Ikklikkja hawn għall-profil tas-Sinjura Isabel Caño Aguilar (jk)