Il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ April, u jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitpoġġa fil-qalba tal-pakkett ta’ rkupru u rikostruzzjoni tal-UE li jmiss.

Toni Vidan, ir-relatur tal-Opinjoni, jenfasizza li “l-ħeffa tat-tranżizzjoni se tiddependi fuq il-kuraġġ li juru dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Wasal iż-żmien li nistimulaw id-dibattitu fil-livell tal-UE dwar it-titjib tal-finanzjament għall-ħtiġijiet li qed jiżdiedu tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Jeħtieġ li nappoġġjaw proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni deċentralizzati u niżguraw l-involviment attiv u s-sjieda taċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali.”

Waħda mil-lezzjonijiet ta’ din il-pandemija hija li jeħtieġ li nimxu lil hinn mill-użu tal-fjuwils fossili fis-sistemi tal-enerġija globali malajr kemm jista’ jkun biex jiġu evitati l-effetti katastrofiċi tat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, l-Ewropa jeħtiġilha tiżviluppa pjan ta’ rikostruzzjoni ambizzjuż f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

Huwa kruċjali li jkun hemm enfasi ugwali fuq il-finanzjament għall-mitigazzjoni u l-adattament u l-bidu ta’ dibattitu ta’ politika inklużiv dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi finanzjarji innovattivi għall-azzjonijiet ta’ adattament u Fondi ddekati għal Adattament Ġust. (mr)