Ir-regoli prudenzjali bankarji tal-UE jeħtieġ li jiġu emendati temporanjament sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu liberati u użati bl-aktar mod effettiv possibbli u b'hekk jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-coronavirus, sostna l-KESE f’waħda mill-aħħar Opinjonijiet tiegħu

Fl-Opinjoni mfassla minn Giuseppe Guerini u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ġunju, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex tadotta aġġustamenti temporanji għar-Regolamenti tal-UE dwar ir-rekwiżiti ta' kapital (CRR), magħrufin ukoll bħala regoli prudenzjali bankarji, u jirrimarka li din trid tiġi approvata mill-aktar fis possibbli.

Fil-kummenti tiegħu fil-marġni tal-laqgħa, is-Sur Guerini qal li: "l-UE qed taffaċċja kriżi mingħajr preċedenti, u għalhekk hemm bżonn rispons daqstant ieħor straordinarju. Iridu jiġu adottati miżuri urġenti biex jappoġġjaw l-ekonomija Ewropea fl-Istati Membri tal-UE u biex jindirizzaw ir-riperkussjonijiet serji li jirriżultaw mill-pandemija. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-riċessjoni ma ddgħajjifx aktar id-diversità tas-settur bankarju tal-UE, li diġà jinsab f’riskju. B’mod partikolari, għandu jiġi protett u msaħħaħ ir-rwol speċifiku tal-banek komunitarji u territorjali, b’mod partikolari ta’ dawk li għandhom il-mudell lokali tipiku ta’ banek kooperattivi." (mp)