Fl-20 ta’ Mejju, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Luca Jahier, ospita webinar bit-titolu Il-migrazzjoni fi żminijiet tal-COVID-19, it-traġedja mhux minsija, qed tistenna Patt tal-UE ġdid.

Il-webinar ta spazju lil kelliema distinti fosthom il-Ministru Grieg għall-Migrazzjoni u l-Asil, Notis Mitarachi, l-MPE u l-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern Juan Fernando López Aguilar u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew għar-Rifuġjati u l-Eżiljati, Catherine Woollard.

Il-membri tal-panel iddiskutew l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq il-migrazzjoni u dawk li qed ifittxu l-asil fl-UE, u kellhom dibattitu dwar jekk l-UE, fl-aħħar, tista’ tasal għal mod effiċjenti biex timmaniġġja l-migrazzjoni u toħloq sens ġdid ta’ solidarjetà f’dan il-qasam.

Il-kwistjoni tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi li jirċievu l-migranti u d-distribuzzjoni tal-persuni li jfittxu asil li jaslu fit-territorju Ewropew ilha mhux solvuta minn ħafna qabel il-pandemija. Ladarba l-pajjiżi tal-UE jneħħu r-restrizzjonijiet fuq il-fruntieri u l-ivjaġġar, il-kwistjoni se terġa’ tqum peress li eluf ta’ migranti jinsabu maqbuda fi tranżitu.

"Il-kelma solidarjetà għandha tifsira ġdida fid-deċiżjonijiet bla preċedent li ħadu l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19. Il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil jrid jipproponi l-istess livell ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, għad-drittijiet u d-dinjità tal-migranti u r-refuġjati," qal is-Sur Jahier .

Il-patt il-ġdid Ewropew dwar il-migrazzjoni u l-asil kien pjanat għall-Marzu 2020, li madankollu ġie pospost minħabba l-pandemija.

Is-Sur Mitarachi qal li huwa kritiku li l-Ewropa jkollha migrazzjoni legali u "mhux il-migrazzjoni każwali li qed naraw. Għandu jkollna pożizzjoni aktar b’saħħitha dwar il-politika ta’ ritorn għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-istatus ta’ refuġjat, u din għandha tkun il-punt ewlieni tal-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni. Il-pajjiżi l-aktar esposti ma għandhomx il-kapaċità biex ilaħħqu mal-flussi tal-migrazzjoni."

Is-Sinjura Woollard wissiet kontra l-mudell ta’ solidarjetà flessibbli li jqis lis-solidarjetà bħala sett ta’ għodod li jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu kif u meta juru solidarjetà: "Is-solidarjetà hija obbligu stabbilit fit-Trattati Ewropej li l-Istati Membri kollha ffirmaw, mhijiex fakultattiva."

Is-Sur López Aguilar qal, "Għandna diversi raġunijiet biex inkunu mħassba dwar is-sitwazzjoni u għandna kull raġuni biex nitolbu lill-Kummissjoni taġixxi. Għandu jkun hemm xi tip ta’ awtorità tal-UE li tinfurza s-solidarjetà u li tiżgura li ċerti pajjiżi ma jitħallewhomx waħedhom." (ll)