Fit-3 ta’ Lulju 2019, il-KESE se jilqa’ lil Alberto Toscano, ġurnalist u awtur tal-ktieb “A bike against Nazi barbarism, the incredible destiny of the champion Gino Bartali”, għal dibattitu dwar il-mobbiltà nadifa. Gino Bartali, iċ-ċampjin Taljan taċ-ċikliżmu, li r-reġim ta’ Mussolini kien kburi bih, kien raġel straordinarju, eroj diskret li salva mijiet ta’ Lhud Taljani matul l-Olokawst. Il-laqgħa qiegħda tiġi organizzata mis-Sezzjoni tal-KESE għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) fl-okkażjoni tal-“Grand Départ” minn Brussell ta’ Tour de France tal-2019 (7 ta’ Lulju 2019). L-objettiv huwa li nonoraw mhux biss l-isport u l-mezzi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent, iżda wkoll il-valuri umani.

Il-laqgħa mal-awtur se ssir qabel id-dibattitu dwar il-mobbiltà nadifa.  Għall-president tas-Sezzjoni TEN, Pierre Jean Coulon, huwa importanti li n-nies jibdlu l-abitudnijiet tagħhom - jagħmlu bidla minn forom individwali ta’ trasport għal dawk kollettivi (trasport pubbliku, carpooling, eċċ.) - u li l-awtoritajiet pubbliċi jiffaċilitaw din il-bidla (pereżempju, billi ssir aktar affordabbli). Il-membri tal-KESE u r-rappreżentanti tal-bliet ta’ Pariġi u Brussell, u tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, ser ikunu fost dawk li se jipparteċipaw fid-dibattitu. (ab)