Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

L-investimenti fl-UE, l-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-UE u l-prijoritajiet potenzjali għall-mandat li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew – dawn kienu s-suġġetti ewlenin tad-dibattitu bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen u l-membri tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, li sar fil-laqgħa tal-grupp fil-15 ta’ Mejju 2019.

Jacek Krawczyk, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, laqa’ s-Sur Katainen u rringrazzjah għall-kuraġġ u l-impenn tiegħu biex jiddefendi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE. Huw rringrazzjah ukoll għal-laqgħa preċedenti tagħhom fil-Kummissjoni Ewropea, meta ta lis-Sur Katainen id-dikjarazzjoni maħruġa mill-Grupp ta’ Min Iħaddem fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej.

Tellervo Kylä-Harakka-Ruonala, Viċi President tal-Grupp, osservat li l-impjegaturi jimpenjaw ruħhom ħafna fil-konfront tal-ispirtu ta’ żvilupp sostenibbli – qasam ta’ politika li fih kien attiv ħafna s-Sur Katainen. Hija żiedet tgħid li r-rwol tan-negozju u tat-tkabbir ekonomiku biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli għadu ma kisibx ir-rikonoxximent li jistħoqqlu.

Huwa u jiġbor fil-qosor il-mandat tal-Kummissjoni Ewropea, li issa ġej fi tmiemu, is-Sur Katainen enfasizza l-progress sinifikanti li sar fl-integrazzjoni f’ċerti oqsma bħall-unjoni tas-swieq kapitali, l-unjoni tal-enerġija u s-suq uniku diġitali. Huwa ammetta li l-Unjoni Ewropea issa qed tiffaċċja sfida esterna ferm akbar mill-kompetituri globali milli ftit tas-snin ilu. Barra minn hekk, ċerti pajjiżi jixtiequ jaraw l-UE dgħajfa u frammentata “Għalhekk jeħtieġ li niddefendu kemm l-interess ekonomiku Ewropew kif ukoll il-valuri Ewropej,” qal is-Sur Katainen.(lj)