mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Jeħtieġ li leħen il-ħaddiema jinstema’ ċar u tond mhux biss fil-Parlament Ewropew, iżda wkoll fil-Kummissjoni, qal Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema. Għal din ir-raġuni, fit-22 ta’ Mejju 2019, il-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE organizza avveniment sekondarju fil-Kungress tal-KETU biex jiġi diskuss kif nistgħu niżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu fil-qalba tal-aġenda politika fil-Parlament Ewropew il-ġdid matul il-ħames snin li ġejjin.

Il-parteċipanti ddiskutew l-isfidi li t-trejdjunjins qed jiffaċċjaw u kif se jindirizzaw is-suċċess imbassar tal-partijiet populisti tal-lemin. Għandna nerġgħu niksbu l-fiduċja tal-ħaddiema, għax in-nazzjonalisti u l-estremisti dejjem se jippruvaw japprofittaw mid-disprament tan-nies biex jiksbu l-appoġġ, żied jgħid Gabriele Bischoff.

Il-panel, magħmul mis-Segretarju Ġenerali tal-KETU, Luca Visentini, l-MEP Awstrijaka, Evelyn Regner, u żewġ kandidati għall-Parlament Ewropew, Gaby Bischoff u Nicolas Schmit, qablu li jeħtieġ li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-votanti u li l-politiċi għandhom jipprovdu alternattiva għar-retorika tal-populisti anti-Ewropej. Il-votanti ma sarux razzisti mil-lum għal għada; in-nies huma diżillużi u f’qagħda ta’ disprament u n-nazzjonalisti joffru tweġibiet faċli, li jisfruttaw il-kundizzjonijiet ta’ għajxien diffiċli tan-nies, qal Luca Visentini.

Jeħtieġ li l-UE tkun proġett soċjali li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taċ-ċittadini kollha u li jindirizza l-inugwaljanzi. Dan jitlob tassazzjoni ġusta u progressiva, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali, standards soċjali minimi komuni u l-infurzar adatt tal-liġi tax-xogħol. (mg)