Il-KESE jemmen li t-tixjiħ b’mod dinjituż għandu jsir dritt fundamentali. L-Ewropej qed jgħixu aktar, u din hija aħbar tajba.  Iżda b’rabta mat-tixjiħ qed jitfaċċaw sfidi soċjali, ekonomiċi u relatati mas-saħħa li jaffettwaw kemm lill-anzjani kif ukoll lill-familji u lis-soċjetajiet tagħhom. Dan is-suġġett ġie ttraskurat għal wisq żmien u l-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-persuni anzjani mhux qed iġu antiċipati, jgħid il-KESE. F’Opinjoni adottata fil-15 ta’ Mejju, il-KESE jenfasizza l-potenzjal enormi li jirrappreżentaw l-anzjani għall-impjiegi ġodda u l-progress teknoloġiku.

Dawk li jipprovdu servizzi ta' għajnuna fid-djar, l-assistenti personali, l-assistenti tal-kura tas-saħħa u l-infermiera huma fost l-okkupazzjonijiet li se joħolqu l-aktar impjiegi fil-futur. L-għarfien u l-edukazzjoni tagħhom huma marbuta mill-qrib mal-benessri tal-anzjani.

“Aħna nipproponu li jiġi stabbilit programm Ewropew għal -taħriġ/edukazzjoni minimi għall-infermiera fil-ġerontoloġija, dawk li jipprovdu l-kura u l-assistenti tal-kura tas-saħħa, mhux biss fuq livell tekniku iżda wkoll fuq livell soċjali u uman, sabiex jiġu żgurati u jissaħħu kemm il-mobilità tal-ħaddiema kif ukoll is-servizzi għall-anzjani”, jgħid Marian Krzaklewski, ir-relatur ta’ din l-Opinjoni tal-KESE.  It-taħriġ għandu jiġi ffaċilitat permezz tal-għodod tal-ICT. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi stabbilit qafas komuni tal-UE li jinkludi l-aħjar programmi tat-taħriġ eżistenti.

L-anzjani jixtiequ jgħixu kemm jista’ jkun fit-tul fl-ambjent tagħhom. Għall-KESE, huwa essenzjali li l-preferenzi tagħhom jiġu rispettati, fi djalogu mal-familji u l-qraba tagħhom. “Madankollu, l-għażla ma tistax tibqa’ biss bejn il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu u d-djar residenzjali tal-kura”, enfasizza l-korelatur tal-Opinjoni Jean-Pierre Haber. “Diġà jeżistu faċilitajiet alternattivi, u dawk li għad iridu jinbnew għandhom jiffaċilitaw l-għajxien indipendenti. Għalhekk, id-disinjar tagħhom għandu jkun ibbażat fuq il-profili tan-nies u fuq kwalunkwe kundizzjoni medika partikolari li jista’ jkollhom.”

Il-KESE jappella wkoll għal użu aħjar tal-innovazzjonijiet tat-teknoloġija diġitali: telemediċina, sensuri, karta klinika diġitali u rekords mediċi diġitali, kif ukoll teknoloġiji tal-awtomazzjoni fid-djar, li mhux biss itejbu l-indipendenza tal-anzjani, iżda wkoll jagħmlu l-kura aktar effiċjenti u sigura.  (sma)