Ċittadini fil-qalba tad-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa

Għal jumejn, il-5 u s-6 ta’ Mejju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, fetaħ il-bibien tiegħu għall-“panel taċ-ċittadin Ewropew” li laqqa’ flimkien madwar mitt ċittadin li jirrappreżentaw id-diversità tas-27 Stat Membru, minbarra r-Renju Unit.

Din il-laqgħa tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fuq inizjattiva tal-gvern Franċiż u fi sħubija mal-Kumitat, li ospita din l-ewwel laqgħa.  

Il-parteċipanti fil-panel qasmu t-tħassib, il-beżgħat u l-aspettattivi tagħhom dwar l-Ewropa ta’ għada, sabiex jidentifikaw 12-il kwistjoni prinċipali li huma ta’ tħassib għall-Ewropej. Dawn jikkonċernaw l-oqsma kollha tal-ħajja, pereżempju l-qgħad, l-edukazzjoni, il-migrazzjoni, l-ambjent, il-klima, is-saħħa, id-difiża jew is-sigurtà. F’kelma waħda, kull ċittadin kellu l-possibbiltà li jesprimi ruħu dwar il-ġejjien tal-Ewropa.

Mid-9 ta’ Mejju, il-kwestjonarju, li sar “għodda pan-Ewropea” soġġetta għal konsultazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jitqiegħed għall-attenzjoni taċ-ċittadini kollha tal-UE bi tħejjija għas-Summit ta’ Mejju 2019 f’Sibiu. 

Il-President tal-KESE, Luca Jahier, enfasizza n-natura unika ta’ dan il-proġett li “jobbliga li nsibu t-triq aħna u mexjin”, kif ukoll l-importanza ta’ djalogu dwar it-temi proposti miċ-ċittadini fl-Ewropa. Il-President assigura wkoll il-parteċipanti fil-panel li l-opinjonijiet tagħhom se jiġu meqjusa: “Id-d-diversità tal-opinjonijiet, il-kuntest kulturali u lingwistiku, joħolqu r-rikkezza tal-ispazju Ewropew”.

Skont Thierry Libaert, membru tal-Grupp III, il-panel taċ-ċittadin Ewropew ma għandux jibqa’ biss avveniment mingħajr segwitu wara li jitlaq minn Brussell. Għandu jkollu segwitu kull fejn il-parteċipanti jsibu ruħhom, u b’hekk dan il-proġett jissokkta mal-membri tal-KESE fl-Istati Membri tagħhom.

L-idea li jiġi stabbilit panel taċ-ċittadin Ewropew ġiet espressa l-ewwel darba matul sessjoni tal-KESE fi Frar 2018. Mistiedna għas-sessjoni plenarja tal-Kumitat, is-Sinjura Nathalie Loiseau, Ministru Franċiż għall-Affarijiet Ewropej, ippreżentat il-proċess ta’ konsultazzjoni Ewropea propost mill-President Macron. Huwa f’din il-perspettiva li Georges Dassis (President tal-KESE li wasal fi tmiem il-kariga tiegħu) u Luca Jahier (President li se jibda l-mandat tiegħu) ipproponew l-parteċipazzjoni attiva u immedjata tal-Kumitat, billi rreferew għas-suċċess tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru fl-2017 mill-Kumitat fl-Istati Membri fil-kuntest tal-White Paper ta’ J.C. Juncker dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. (ehp)