Xogħol, forom ġodda ta’ xogħol u kundizzjonijiet ta’ xogħol

 mill-Grupp tal-Ħaddiema

Iċ-ċifri b’rabta max-xogħol kontinwament fost l-istejjer ewlenin tal-aħbarijiet. Madankollu, dak li huwa kważi importanti daqs kemm hemm nies impjegati huwa x’tip ta’ kundizzjonijiet qed jaħdmu fihom. Dan huwa partikolarment relevanti minħabba l-aħħar żviluppi tax-xogħol u ż-żieda fil-kuntratti mhux standard, fejn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu neċessarji biex ikun stabbilit li, pereżempju, ix-xufiera tal-Uber huma impjegati u mhux freelancers.

Il-kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet tax-xogħol’ jiġbor fih diversi dimensjonijiet, mis-salarju, il-ħinijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà, sal-benefiċċji u dmirijiet speċifiċi fost oħrajn; dan jinkludi ‘perjodi ta' prova’, li f’xi każijiet m’għadhomx jilħqu l-għan tagħhom, iżda sempliċiment jipprovdu forza tax-xogħol irħisa u flessibbli. Madankollu għall-ħaddiema għadu importanti li jkunu jafu u jifhmu dawn il-kundizzjonijiet bil-quddiem – xi ħaġa li mhux dejjem sempliċi – u li jkunu mgħarrfa dwar kwalunkwe tibdil kemm jista’ jkun malajr, sabiex tingħatalhom il-prevedibbiltà.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi regolament biex tiżviluppa qafas koerenti għal dan id-dritt ta’ għarfien għall-ħaddiema. Il-proposta, madankollu, għad għandha xi kwistjonijiet, bħall-iskop tad-definizzjoni tagħha ta’ ‘ħaddiema’. L-iżvilupp b’pass mgħaġġel tas-suq tax-xogħol ħoloq għadd kbir ta’ ‘forom ġodda ta’ xogħol’ differenti bħal pereżempju ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers u dawk fuq pjattaforma, li minħabba l-kuntratti ta’ impjieg mhux standard, mhumiex koperti mid-definizzjoni tradizzjonali ta’ impjegat.

Naturalment, dan mhuwiex xi ħaġa limitata għall-‘forom ġodda ta’ xogħol’: kuntratti mhux standard bħal kuntratti ta’ żero sigħat u ħaddiema stazzjonati u dawk domestiċi ilhom jeżistu għal żmien twil, ħafna minnhom bi prevedibbiltà mill-inqas fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u għaldaqstant fil-prattika jfisser bilanċ minimu bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Il-prevedibbiltà tippermetti l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-istudju, jew li wieħed ikollu xogħol ieħor part-time.

F’dawn il-każijiet kollha, in-negozjar kollettiv huwa l-fattur ewlieni biex ikunu żgurati kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, u r-referenza għal dan fil-proposta hija milqugħa. B’mod partikolari peress li dawn il-kundizzjonijiet ‘flessibbli’ qed isiru aktar komuni biż-żieda ta’ forom ġodda ta’ xogħol, hemm il-ħtieġa ta’ definizzjonijiet ċari u inklużivi tal-ħaddiema u l-impjegaturi, sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet b'saħħithom għall-ħaddiema ma jiġux sempliċement evitati permezz tal-forom ġodda ta’ xogħol, u li r-realtajiet ġodda (bħat-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ assoċjat miegħu mħallas mill-impġjegatur) ma jimponux piż addizzjonali fuq il-ħaddiema.