Il-KESE jappella għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea li tinvolvi u tibbenefika liċ-ċittadini kollha tal-UE

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u jinkoraġġixxi lis-soċjetà tal-UE biex tieħu sjieda sħiħa ta’ dan il-proġett. L-Unjoni tal-Enerġija hija rilevanti mhux biss għall-politiki settorjali bħall-enerġija, it-trasport u l-klima, iżda toffri għadd ta’ opportunitajiet biex l-Ewropa ssir aktar demokratika, koeżiva, kompetittiva u ġusta. Għal dan il-għan, djalogu effettiv dwar l-enerġija mas-soċjetà ċivili organizzata fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali huwa fundamentali.

Fl-opinjoni tal-KESE adottata fis-sessjoni plenarja ta’ April, Toni Vidan u Christophe Quarez jieħdu kont tal-progress li sar lejn Unjoni tal-Enerġija tal-UE, wara l-ħruġ t-tielet rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-suġġett f’Novembru 2017.

Is-soċjetà ċivili organizzata għandha tiġi involuta b’mod attiv u permanenti. Djalogu effettiv dwar l-enerġija jeħtieġ sforz miftiehem mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-membri tagħhom, kemm fi Brussell kif ukoll fuq il-post fl-Istati Membri, biex jiddiskutu l-benefiċċji u l-kwistjonijiet li qed tiffaċċja l-Unjoni tal-Enerġija, biex jiġu involuti ċ-ċittadini fit-tfassil ta’ pjani ta’ tranżizzjoni tal-enerġija u biex jiġu organizzati dibattiti pubbliċi dwar kif in-nies jimmaġinaw il-futur tal-enerġija tagħhom fl-Ewropa.

Il-Kumitat jipproponi soluzzjonijiet prattiċi biex jipprova jegħleb l-ostakli eżistenti: Patt Soċjali għal Transizzjoni tal-Enerġija Immexxi minn Ċittadini, Servizz Ewropew għall-Informazzjoni dwar l-Enerġija, Fond Ewropew ta’ Aġġustament għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija u programm Erasmus Pro Ekoloġiku. (mp)