Il-KESE jiddeskrivi miżuri ulterjuri meħtieġa biex tinkiseb UEM stabbli, prospera u reżiljenti

Il-KESE huwa konvint bis-sħiħ li f’dan il-punt l-UEM għadha mhijiex reżiljenti u stabbli biżżejjed biex tiffaċċja b’mod effettiv kriżijiet futuri. Filwaqt li jippromovi t-tlestija tal-UEM, huwa jħeġġeġ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jilħqu ftehim politiku aktar wiesa’ u aktar mgħaġġel dwar kif tista' tinkiseb UEM profonda u ġenwina, li huwa l-għan aħħari.

"Iktar passi fir-rigward tal-UEM għandhom ikunu bbażati fuq pożizzjoni komuni soda tal-Istati Membri kollha, imma hija nieqsa viżjoni strateġika komuni fid-dibattitu politiku attwali", qal Mihai Ivaşcu, ir-relatur għall-aħħar opinjoni tal-KESE dwar il-pakkett tal-UEM tal-Kummissjoni.

Stefano Palmieri, president tas-sezzjoni speċjalizzata ECO u korelatur, qal: "It-tlestija tal-UEM teħtieġ impenn politiku b'saħħtu, governanza effiċjenti u użu aħjar tal-finanzi disponibbli. Jeħtieġ li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji ġodda għall-prevenzjoni tal-kriżijiet u miżuri proċikliċi kontrihom.”"

Il-KESE jagħmilha ċara fl-opinjoni tiegħu li, fost affarijiet oħra, il-Fond Monetarju Ewropew ġdid m’għandux jaħdem bħala “golden parachute”. Minflok, ir-rwol tiegħu għandu jkun li jevita kriżijiet bankarji, jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u jassorbi x-xokkijiet.

Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi l-istrumenti baġitarji ġodda proposti fil-baġit tal-UE, jiġifieri funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għaż-żona tal-euro u faċilità ta’ konverġenza ddedikata biex tgħin lill-Istati Membri li jinsabu fit-triq it-tajba biex jissieħbu fiż-żona tal-euro.

Il-Kumitat ħareġ opinjoni separata dwarAppoġġ għal riformi strutturali fl-Istati Membri b’reazzjoni għall-proposti tal-Kummissjoni.

Fl-opinjoni tiegħu, il-KESE jipproponi, fost affarijiet oħra, li tiġi żviluppata strateġija ċara għall-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u li l-pakkett finanzjarju tiegħu jiġi miżjud mingħajr ma jiġu penalizzati il-baġits għal fondi oħra li huma daqstant importanti.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fis-sit web tagħna. (jk)