Sopravivenza: is-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima tiddependi fuq pożizzjoni soda mill-UE

L-opinjoni tal-KESE issejjaħ għal politika industrijali u tal-manifattura b’saħħitha msejsa fuq ir-reċiproċità

‘Il-Kummissjoni Ewropea teħtieġ li tadotta politika industrijali u tal-manifattura b’saħħitha msejsa fuq ir-reċiproċità, inkella l-industrija Ewropea tat-teknoloġija marittima tagħna mhux se tissopravivi l-kompetizzjoni mit-tarzni Asjatiċi,” wissa Marian Krzaklewski Relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrateġija LeaderSHIP, adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu fid-19 ta’ April. 

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija LeaderSHIP 2020 u tressaq rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-istrateġija l-ġdida LeaderSHIP 2030.

“L-Ewropa teħtieġ approċċ speċifiku għall-bini tal-bastimenti l-industrija tal-manifattura tat-tagħmir tal-baħar. Bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew għandhom jittrattaw dan bħala settur strateġiku fl-ekonomija tal-Ewropa, saħaq il-korelatur Patrizio Pesci.

Tali approċċ għandu jinkludi:

  • ftehim komprensiv tal-OECD biex jiġu stabbiliti regoli dwar is-sussidji, u potenzjalment ukoll dwar id-dixxiplina tal-prezzijiet;
  • reċiproċità bejn l-Ewropa u pajjiżi terzi bħala prinċipju ta’ gwida kemm fin-negozjati kummerċjali bilaterali u kif ukoll multilaterali;
  • strument finanzjarju speċifiku li jtejjeb l-investiment f’dan is-settur b’intensità għolja ta’ kapital tar-riskju, eċċ.

Is-settur tat-teknoloġija marittima Ewropea (MT) huwa settur industrijali ewlieni għall-Ewropa, iżda qed jiffaċċja ħafna diffikultajiet, mhux l-inqas minħabba l-politiki protezzjonisti tal-kompetituri mill-Asja tal-Lvant.

Madwar 300 tarzna Ewropej jimpjegaw 200 000 persuna u għandhom dħul annwali ta’ madwar EUR 31 biljun. Madwar 22 000 kumpaniji kbar u SMEs jipproduċu u jfornu t-tagħmir tal-baħar, li jiġġenera dħul annwali ta’ madwar EUR 60 biljun. Dawn jimpjegaw aktar minn 350 000 persuna direttament, u għandhom sehem mis-suq globali ta’ madwar 50%. (sma)