L-investiment dirett barrani jirrikjedi analiżi sabiex jitħarsu s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku fl-UE

Foreign Direct Investment

L-investiment dirett barrani huwa sors ewlieni ta’ tkabbir, impjiegi u innovazzjoni, u minn dejjem kien fattur ewlieni fl-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-UE. Madankollu, iġib ukoll miegħu riskji potenzjali għas-sigurtà nazzjonali, u huwa meħtieġ qafas adatt għall-iskrinjar ta’ investimenti bħal dawn.

L-investiment barrani f’teknoloġiji ewlenin u f’infrastruttura sensittiva, bħall-forniment tal-enerġija u tal-ilma u s-servizzi finanzjarji għandu jiġi kkontrollat” qal Christian Bäumler, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar l-iskrinjar ta’ investiment dirett barrani, adottata mill-KESE waqt is-sessjoni plenarja tiegħu fid-19 ta’ April.  L-iskrinjar ta’ investimenti f’negozji li huma ta’ importanza strateġika għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku fl-UE huwa frammentat u mhux koordinat. Mhux l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ proċeduri ta’ skrinjar - f’pajjiżi mingħajr mekkaniżmi bħal dawn ma jsirx skrinjar tal-investimenti. Il-KESE jenfasizza li sistema fil-livell tal-UE għandha tindirizza d-differenzi bejn l-Istati Membri, filwaqt li tissalvagwardja l-interessi nazzjonali u dawk Ewropej.

Matul l-aħħar 10 snin kien hemm żieda fl-investiment minn pajjiżi terzi fl-UE, bil-parti l-kbira tiegħu joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u l-Iżvizzera, segwiti mill-Brażil, iċ-Ċina u r-Russja. Kien hemm tħassib li xi investituri barranin, b’mod partikolari investituri tal-istat, kienu interessati li jakkwistaw intrapriżi Ewropej li kellhom fil-pussess tagħhom teknoloġiji ewlenin, u li jinvestu f’setturi industrijali strateġiċi, f’infrastruttura u f’assi oħrajn li huma importanti għas-sigurtà tal-Istati Membri u l-UE b’mod ġenerali.

Il-KESE laqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin fl-UE, iżda nnota li l-firxa tal-problema għadha mhix magħrufa għal kollox, peress li l-Kummissjoni ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti dwar il-flussi ta’ investiment.

Il-mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-UE kif propost huwa pass ’il quddiem, iżda għadu ma jissalvagwardjax bis-sħiħ l-interessi tal-UE u tal-Istati Membri. F’każ bħal dan, f’dan l-istadju, is-sistema m’għandhiex issir ta’ piż, jew tieħu ħafna ħin u tiswa ħafna , qal il-korelatur tal-KESE, Gintaras Morkis. (sg)