Nirriflettu dwar il-plastik: il-bidla fl-imġiba teħtieġ qafas leġislattiv b’saħħtu u alternattivi vijabbli

Is-Sur Cillian Lohan, membru tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari kif ukoll membru tal-KESE, waqt seduta dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari, organizzata mill-KESE, qal li t-teknoloġija waħedha ma tkunx biżżejjed biex tixpruna t-tranżizzjoni, iżda minflok se jkollha taħdem flimkien ma’ bidla mifruxa fl-imġiba. Hu kien konvint li nistgħu “niggwidaw bidla fl-imġiba jekk aħna noffru alternattivi siewja u affordabbli”. L-indirizzar tal-mod kif nikkonsmaw ikun element ewlieni fir-rigward ta’ dak li nistgħu niksbu fil-futur. B’referenza għat-tranżizzjoni neċessarja għal ekonomija ċirkolari, huwa qal li jidher "indispensabbli li ngħaddu mill-kunċett ta’ konsumaturi għall-kunċett ta’ utenti fir-rigward tal-konsum żejjed u l-ħela”.

Għadd ta’ esperti minn oqsma differenti ddiskutew dawn il-kwistjonijiet importanti, u l-konklużjonijiet ewlenin ser jipprovdu kontribut rilevanti mis-soċjetà ċivili għall-Opinjoni li l-KESE qed ifassal dwar l-Istrateġija msemmija hawn fuq u d-Direttiva relatata.