L-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent għandha tibqa’ prijorità ewlenija tal-UE

It-tkabbir tal-UE, u fuq kollox il-firxa tal-valuri demokratiċi u tal-istandards legali tal-UE lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent huwa fl-interess tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-UE, jenfasizza l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar Il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent, adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu fid-19 ta’ April.

“Huwa kruċjali li l-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent tibqa’ prijorità tal-UE,” qal Andrej Zorko, ir-relatur tal-opinjoni tal-KESE. “Il-promozzjoni tal-valuri tal-UE fir-reġjun tiggarantixxi s-sigurtà u l-istabbiltà u ssaħħaħ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, kif ukoll id-demokrazija u l-istat tad-dritt, f’dawn il-pajjiżi. U dan ifisser stabbiltà u sigurtà għall-UE. Huwa importanti ħafna li s-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, jiżvolġu rwol attiv f’dan il-proċess.”

Il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, d-dgħufija ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-Istat u l-istat tad-dritt, u d-diskriminazzjoni kontra gruppi ta’ minoranza huma wħud mill-problemi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-ekonomiji tagħhom ikomplu jikbru iżda s-sitt pajjiżi għadhom fost l-ifqar fl-Ewropa. Huwa stmat li konverġenza sħiħa mal-istandards ta' għajxien tal-UE tista' tieħu sa 40 sena. Il-KESE għalhekk jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa programmi speċifiċi għal konverġenza ekonomika u soċjali aktar rapida tal-Balkani tal-Punent.

“Il-KESE jinnota li l-proċess ta’ adeżjoni tal-UE jibqa’ fattur ewlieni għall-motivazzjoni tar-riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,” qal Dimitris Dimitriadis, korelatur tal-opinjoni tal-KESE. “Il-KESE jirrimarka n-nuqqas ta’ attenzjoni li ngħataw l-effetti soċjali u ekonomiċi tar-riformi li saru, fid-dawl tad-differenzi prinċipali fis-sigurtà soċjali u ekonomika tal-persuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li tkun ivvalutata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali waqt l-evalwazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji tas-sħubija fl-UE.” (sg)