Il-President tal-KESE Luca Jahier jgħid li rridu nerġgħu nagħmlu l-Ewropa sikura

Il-prijorità ewlenija għall-ġejjieni tal-UE wara l-pandemija tal-COVID19 għandha tkun li nagħmlu l-Ewropa sikura. F’webinar konġunt mal-Kunsill Nazzjonali Taljan għall-Ekonomija u x-Xogħol (CNEL) fil-15 ta’ Mejju 2020, il-President tal-KESE Luca Jahier appella għal politika tas-saħħa komuni tal-UE.

Huwa qal li l-UE trid tieħu azzjoni fuq żewġ fronti, minn naħa tinvesti aktar fit-tkabbir u l-appoġġ għal tranżizzjoni ambjentalment u teknoloġikament ġusta u min-naħa l-oħra tiżgura preżenza akbar fix-xena internazzjonali.

Luca Jahier iddiskuta l-għażliet politiċi ġusti għall-ġejjieni tal-ġenerazzjonijiet futuri, ma’ Romano Prodi, eks-Prim Ministru Taljan u eks-President tal-Kummissjoni, Emma Bonino, Senatur u eks-Kummissarju tal-UE, u Tiziano Treu, President tal-Kunsill Nazzjonali Taljan għall-Ekonomija u x-Xogħol (CNEL).

Is-Sur Prodi enfasizza l-ħtieġa għal politika tas-saħħa tal-UE, filwaqt li argumenta li politika globali reali tal-UE kienet prerekwiżit għal dan, u li fi ħdan l-Unjoni ma jkunx hemm solidarjetà mingħajr bilanċ politiku.

Tal-istess fehma kienet is-Sinjura Bonino, li enfasizzat li l-idea ta’ politika tas-saħħa komuni tal-UE ma kinitx ġdida, iżda diġà kienet irrakkomandata minn Robert Schuman u Altiero Spinelli, u rrimarkat il-ħtieġa biex tittejjeb il-globalizzazzjoni u li din issir aktar bilanċjata.

Is-Sur Treu enfasizza li l-Ewropa m’għandhiex timmira li terġa’ tibni s-sistema kif kienet f’termini ta’ kumpaniji u servizzi, iżda minflok tiffoka fuq l-investimenti ekoloġiċi f’setturi strateġiċi u fuq ir-rispons għall-isfidi ta’ teknoloġiji ġodda, li jistgħu jkunu riskjużi iżda wkoll opportunità biex tinkiseb it-tranżizzjoni fl-ekonomija tagħna.

Filwaqt li kkonkluda fuq nota ottimista, is-Sur Jahier ippreżenta l-idea ta’ strateġija konġunta bejn l-UE u l-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-Ewropa tal-ġejjieni: “Fi tmiem din il-pandemija, se jkun hemm aktar dejn pubbliku u privat, jista’ jkun hemm tensjonijiet soċjali u n-nies mhux se jħossuhom sikuri. Se jkun hemm effett boomerang għall-Ewropa, sakemm ma nżommux l-għaqda. Neħtieġu strateġija biex niffaċċjaw din il-bidla jew inkella se jkun hemm diviżjoni li timmarka l-Ewropa għal dejjem. Dan nistgħu, u se nagħmluh flimkien.” (mp)