Christa Schweng: It-tagħlimiet personali tiegħi mill-corona

Dakinhar tal-Ġimgħa, 13 ta’ Marzu, meta l-gvern tagħna ddeċieda li jagħmel lockdown ta’ pajjiżna mit-Tnejn, 16 ta’ Marzu, l-atmosfera fi Vjenna nbidlet: mixja fil-postijiet tas-soltu kellha sensazzjoni stramba, għax kulħadd kien qed iħares lejn ħaddieħor b’suspett.

Xogħli nbidel b’mod drammatiku minħabba l-lockdown: l-imsieħba soċjali Awstrijaċi nnegozjaw malajr skema ta’ xogħol b’ħinijiet aqsar għall-kriżi tal-Covid, li qajmet ammont sostanzjali ta’ mistoqsijiet min-naħa tal-intrapriżi. Peress li nispeċjalizza fl-affarijiet soċjali Ewropej, f’daqqa waħda sibt ruħi nwieġeb mistoqsijiet delikati dwar ix-xogħol b’ħinijiet aqsar fl-Awstrija.

Kont konxja li t-tweġiba tiegħi kienet se tikkontribwixxi għal deċiżjoni jekk għal negozju tkunx vallapena li jintroduċi xogħol b’ħinijiet aqsar, jew jekk l-iskema tkunx affordabbli u l-impjegati jispiċċaw jingħataw is-sensja immedjatament – u dan ma ħallinix norqod.

Ħsibt ħafna dwar l-impjegaturi li riedu jieħdu deċiżjonijiet ibsin u l-impjegati tagħhom li beżgħu li se jitilfu xogħolhom. Ħsibt dwar il-ġenituri tat-tfal li jattendu fl-iskejjel primarji, li kellhom jieħdu post l-għalliema għal ġimgħat sħaħ u dwar il-familji li ma kellhomx it-tagħmir tekniku meħtieġ sabiex it-tfal jirċievu l-edukazzjoni d-dar. Ħsibt dwar in-nies li jgħixu waħedhom li ma għandhom lil ħadd ma’ min jistgħu jaqsmu l-biżgħat tagħhom. U ddispjaċieni għal binti adoloxxenti, li ħasset in-nuqqas ta’ ħbiebha, għax ma setgħetx tiltaqa’ magħhom.

It-telexogħol ma kienx ġdid għalija, peress li kont ilni ħafna snin naħdem mid-dar. Irrealizzajt li ħafna nies iltaqgħu ma’ problemi biex jaħdmu mid-dar minħabba nuqqas ta’ tagħmir, spazju, trankwillità jew il-kuntatti mal-kollegi tagħhom.

Il-Covid-19 se tbiddlilna ħajjitna fit-tul? Ma nafx, iżda għalija hemm ftit affarijiet x’nitgħallem minn dan:

  1. Ix-xogħol mid-dar huwa produttiv daqs ix-xogħol fl-uffiċċju
  2. Laqgħa ta’ tliet sigħat fi Brussell tista’ ssir onlajn
  3. Li wieħed jgħix mal-għeżież tiegħu hija xorti, ħafna aktar matul iż-żminijiet tal-lockdown
  4. Il-laqgħat permezz ta’ Skype huma alternattiva fqira biex wieħed jgħid kelma mal-ġenituri jew mal-ħbieb tiegħu: li niltaqgħu magħhom wiċċ imb wiċċ huwa imprezzabbli