Baiba Miltovica: Il-Konsumaturi fil-konfront tal-COVID-19

Il-coronavirus huwa wieħed mill-akbar sfidi li l-Unjoni Ewropea qatt iffaċċjat. It-tixrid tal-virus se jkompli jolqot lill-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE li se jirriżulta f’theddidiet kbar mhux biss għan-negozji u l-impjiegi iżda wkoll għall-konsumaturi. Dan wassal biex il-gvernijiet jimplimentaw miżuri eċċezzjonali għall-protezzjoni tan-nies.

Il-gvern Latvjan aġixxa malajr meta dehru l-ewwel każijiet pożittivi tal-COVID-19 u introduċa miżuri mifruxa biex jillimitaw it-tixrid tal-virus. Il-Latvjani ma ffaċċjawx miżuri stretti ta’ lockdown bħal persuni f’pajjiżi oħra tal-UE, iżda kienu attenti fir-rigward ta’ miżuri ta’ sigurtà ġenerali bħal rekwiżiti ta’ tbegħid soċjali, it-twettiq ta’ diżinfezzjoni, l-għeluq ta’ ċentri kummerċjali fi tmiem il-ġimgħa u l-vaganzi, iż-żamma ta’ regola ta’ tbegħid ta’ żewġ metri għal interazzjonijiet soċjali fiżiċi u laqgħat ta’ ġewwa u ta’ barra, eċċ., u n-nies irrispettaw dawn ir-regoli.



F’intervista ma’ The Telegraph, il-prim ministru Kariņš spjega kif inkiseb bilanċ bejn li “in-nies jinżammu f’saħħithom” u li “issir l-inqas ħsara possibbli” lill-ekonomija.



Xorta rridu nibqgħu attenti peress li l-għadd ta’ każijiet ta’ infezzjoni bil-coronavirus huwa għoli fl-Ewropa. Sakemm ma jkunx hemm immunità kontra l-virus, se jkun hemm theddida li t-tifqigħa tirrepeti ruħha. Barra minn hekk, sakemm hemm postijiet attivi fejn jinstabu t-tifqigħat ta’ din il-marda, se jkun hemm riskju li din terġa’ tinfirex. Huwa impossibbli li wieħed jipprevedi għal kemm żmien se jkun meħtieġ li jinżammu l-miżuri ta’ sikurezza, iżda huwa ċar li s-sitwazzjoni li qed nesperjenzaw taffettwa s-saħħa mentali, il-psikoloġija u l-attitudnijiet tal-persuni.



L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi tas-soċjetà ċivili diġà indikaw li l-imġiba u d-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi qed jinbidlu. In-nies qed jgħixu b’mod differenti, billi qed jixtru b’mod differenti u, f’ħafna modi, qed jaħsbu b’mod differenti. Il-konsumaturi huma mħassba ħafna dwar l-impatt tal-COVID-19, kemm mill-perspettiva tas-saħħa kif ukoll mill-perspettiva ekonomika u, b’riżultat ta’ dan, bħalissa huma ċċentrati fuq il-ħtiġijiet l-aktar bażiċi.

Il-konsumaturi qed jixtru aktar konxjament, billi, minn naħa, qed jixtru prodotti lokali, u minn oħra, qed jaċċettaw il-kummerċ diġitali. Ix-xenarju tax-xiri qed jinbidel, u dan iġib miegħu offerta onlajn aktar avvanzata. Ħafna minn dawn il-modi ġodda ser jibqgħu wara l-COVID-19. Għalhekk l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi tas-soċjetà ċivili għandhom jinvestigaw u jifhmu dawn ir-realtajiet u x-xejriet ġodda u joffru lill-persuni protezzjoni adegwata.

It-titjib tal-fiduċja tal-konsumatur jibqa’ wieħed mill-pedamenti tal-kummerċ diġitali fis-suq. It-tixrid tal-informazzjoni, il-protezzjoni tal-pagamenti, prodotti mhux sikuri, ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, l-infurzar u l-edukazzjoni huma biss ftit mill-kwistjonijiet li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi se jkomplu jaħdmu fuqhom u jsegwu mill-qrib.



L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Latvjana għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tibqa’ impenjata li tappoġġja lill-gvernijiet u l-muniċipalitajiet waqt li jieħdu passi biex jipproteġu konsumaturi vulnerabbli mill-COVID-19. Sakemm din il-kriżi tibqa’ għaddejja, is-solidarjetà u l-koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma dak li neħtieġu.



Apparti l-isforzi tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-soċjetà ċivili, fiż-żmien ta’ wara l-COVID-19 se jkollna bżonn ta’ KESE b’saħħtu u stabbli li l-membri tiegħu jkunu infurmati tajjeb u lesti li jaħdmu biex jirrappreżentaw b’mod sħiħ l-interessi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.