Cillian Lohan: L-essenzjali huwa inviżibbli għall-għajnejn

Ninsab fid-dar tal-kampanja viċin il-baħar. Għandi konnessjoni tal-internet tajba minkejja li ngħix f’żona rurali iżolata. Kull filgħodu nħossni fortunat li nista’ nimxi tul il-kosta u nħares lejn il-baħar, filwaqt li naf li l-biċċa art li jmiss in-naħa l-oħra tal-Atlantiku hija New York, kważi 5000 kilometru ’il bogħod. Naf kemm jien ipprivileġġjat fil-kumdità tiegħi.

Nista’ maġikament nibdel l-arja kiesħa ta’ filgħodu f’tgħanniqa sħuna. Kollox huwa relattiv. Għawma qasira fil-mewġ kiesaħ u mielaħ tal-Atlantiku u meta noħroġ mill-baħar, ir-ramel u l-ġebel inħosshom jaħarqu taħt saqajja. Fl-estremitajiet, diffiċli tagħraf id-differenza bejn is-sensazzjoni ta’ ħruq u ffriżar.

Matul il-ġimgħa nistaqsi lili nnifsi għalfejn m’għandix iktar ħin liberu. F’daqqa waħda m’għadnix inqatta’ sigħat twal nivvjaġġa. Irrealizzajt li mlejt dak il-ħin billi naqqast ir-ritmu tiegħi. Ninduna bl-għadd ta’ persuni li nitkellem magħhom onlajn li jirrikonoxxu t-tensjonijiet u l-konsegwenzi terribbli tal-virus, iżda li japprezzaw is-sitwazzjoni tagħhom stess.

Bħal fil-ktieb klassiku ta’ Saint-Exupéry, iċ-Ċkejken Prinċep ifakkarna li l-kbar mhumiex kapaċi jagħrfu dak li hu importanti fil-ħajja. Forsi dan il-konfinament, din il-waqfa fil-ħajja tagħna li normalment ma tieqaf qatt, tawna lkoll l-opportunità biex nikkunsidraw mill-ġdid dak li huwa importanti u dak li mhuwiex. Minn kull kriżi nisiltu lezzjoni u opportunità li nibnu mill-ġdid.

Nibda l-ġurnata tiegħi ta’ ħidma, billi niffoka fuq l-iżviluppa sostenibbli, fuq l-ekonomija ċirkolari, fuq l-irkupru ekoloġiku. Ninsab fiduċjuż li kellna bidla kollettiva fil-perċezzjoni. Issa nafu liema impjiegi u liema persuni huma ħaddiema essenzjali. Huwa interessanti niskopru kemm jiswew u kemm ma kkunsidrajniex is-siewi tagħhom fil-passat. Nimtela bil-ferħ nara kif bħala speċi nistgħu naħdmu flimkien u naġixxu b’mod kollettiv għall-ġid akbar. Kulħadd qed jirrinunzja xi ħaġa biex nipproteġu ħajjet il-gruppi vulnerabbli l-oħra.

Qed naraw ukoll il-konsegwenzi ta’ dwejjaq li ma nagħtux każ l-evidenza, u li nipposponu l-azzjoni.

Immur norqod kmieni u norqod sew.