Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-fattur ewlieni qed jiżgura l-likwidità għall-intrapriżi (speċjalment l-SMEs). Il-Grupp ta’ Min Iħaddem jilqa’ l-miżuri kollha ta’ appoġġ li ġew implimentati s’issa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew. Issa jeħtieġ li niżguraw li dan il-flus jasal għand in-negozji mingħajr dewmien.

Minbarra r-riżorsi finanzjarji, il-fluss bla xkiel ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema huwa vitali għal ekonomija u soċjetà fi kriżi. Huwa fundamentali li jinżammu funzjonali l-konnessjonijiet kritiċi – kemm is-Suq Uniku kif ukoll il-konnessjonijiet internazzjonali.

Neħtieġu approċċ ċar, kontrollat u kompatibbli li jimxi lejn it-tneħħija tar-restrizzjonijiet u biex ir-restrizzjonijiet ġenerali jinbidlu f’miżuri mmirati. Il-ftuħ ċar u prevedibbli tal-fruntieri interni tal-UE għandu jkun parti mill-istrateġiji ta’ ħruġ tal-Istati Membri. Dan għandu jiġi kkoordinat fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.

L-ittestjar, it-traċċar u l-protezzjoni tas-saħħa tan-nies huma essenzjali biex jitnaqqsu r-riskji fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet. In-negozji għandhom ħafna x’joffru f’termini ta’ soluzzjonijiet prattiċi hawnhekk.

Kumpaniji jeħtieġ li jkunu involuti b’mod kostanti f’miżuri ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni, peress li għandhom għarfien prattiku u għarfien espert tal-problemi, il-ħtiġijiet u s-soluzzjonijiet possibbli. L-intrapriżi tal-UE fis-setturi kollha u tad-daqsijiet kollha qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħaddu mill-kriżi. Flimkien nistgħu nirnexxu!

Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar il-proposti tal-Grupp ta’ Min Iħaddem biex issib tarf kif għandek tgħaddi mill-kriżi, aqra d-dokument ta’ pożizzjoni tagħna: https://europa.eu/!Dp99Um (lj)