It-tagħlim tul il-ħajja jeħtieġ iktar finanzjament pubbliku sostanzjali

L-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu l-investiment pubbliku għat-tagħlim tul il-ħajja, b’enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-adulti, u għandhom jallokaw aktar fondi għat-tagħlim f’kuntesti mhux formali u informali, li fihom l-istudenti jistgħu jiżviluppaw aktar ħiliet personali, bħall-ħsieb kritiku u l-ħidma f’tim, jew il-kwalitajiet personali, bħat-tmexxija u l-kurżità.  

Iktar ma jmur qed jiġi rikonoxxut li, flimkien mal-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu u diġitali, in-nies se jkollhom bżonn dawn il-ħiliet personali sabiex jadattaw għall-impatt tal-avvanzi diġitali u teknoloġiċi globali. Dawn l-avvanzi qegħdin jittrasformaw id-dinja tax-xogħol u l-profili tal-ħiliet ta’ ħafna impjiegi tant malajr li ħafna drabi jkun diffiċli li jiġi mbassar liema ħiliet se jkunu meħtieġa fil-futur.

Dan il-punt ħareġ fl-Opinjoni esploratorja tal-KESE mitluba mill-Presidenza Kroata tal-UE. L-Opinjoni tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE jallokaw finanzjament immirat għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid kontinwu għall-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà sabiex kulħadd ikun mgħammar – mingħajr distinzjoni – b’ħiliet ġodda mfassla għall-impjiegi tal-futur.

Ir-relatur Opinjoni, Tatjana Babrauskienė, qalet li l-pandemija tal-COVID-19 uriet biċ-ċar li t-tagħlim jista’ jadatta malajr għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi: “Meta l-ħajja tirritorna għan-“normal”, is-soċjetà għandha titgħallem minn din l-esperjenza u tkompli tiżviluppa dawn l-approċċi u l-ħiliet, billi tinvesti riżorsi biżżejjed fihom, sabiex l-istudenti kollha, tkun xi tkun is-sitwazzjoni soċjali tagħhom, ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom u jibbenefikaw minnhom.”

Il-korelatur Pavel Trantina enfasizza l-importanza li jiġu integrati l-ambjenti differenti tat-tagħlim fil-politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex jiġi promoss il-potenzjal uniku tal-istudenti individwali. Il-KESE jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jindirizzaw dawn il-proposti u jappoġġjawhom finanzjarjament. (ll)