Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tranżitorju sabiex jipprovdi appoġġ lill-bdiewa Ewropej, li se jiżgura tranżizzjoni bla xkiel mill-PAK attwali għall- perjodu li jmiss .
Madankollu, il-perjodu għall-ippjanar tal-baġit tal-PAK attwali jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020 u l-ammont ta’ appoġġ tal-Unjoni jew il-limitu massimu nazzjonali għas-sena ta’ wara ma ġiex inkluż. Għalhekk, iridu jittieħdu miżuri urġenti sabiex tingħata ċertezza u kontinwità għall-għoti ta’ appoġġ lill-bdiewa Ewropej.
Din iċ-ċertezza fi żminijiet inċerti tista’ biss tiġi żgurata jekk il-qafas legali attwali jiġi estiż minn tal-inqas għas-snin 2021 u 2022, li jfisser li r-regoli antiki jintużaw għall-approprjazzjonijiet il-ġodda.
Arnold Puech d'Alissac, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett, jirrimarka li: “Sena mingħajr l-għajnuna diretta tal-ewwel pilastru twassal għal defiċit għall-bdiewa kollha, sena mingħajr l-għajnuna tat-tieni pilastru twaqqaf l-impenji għall-għanijiet ambjentali jew klimatiċi għoljin u tipposponi l-investimenti fil-modernizzazzjoni.”
Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-koleġislaturi jadottaw dan ir-regolament malajr kemm jista’ jkun. L-agrikoltura Ewropea u s-sigurtà tal-ikel tal-UE huma żewġ assi li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tagħhom. (mr)