L-UE għandha tiġġieled kontra d-depopolazzjoni b’politiki b’saħħithom dwar il-familji u l-impjiegi.

Bis-sehem tagħha fil-popolazzjoni globali fl-iktar livell baxx li qatt kien hemm u billi hija improbabbli xi baby boom oħra, l-Ewropa se jkollha tadotta approċċ olistiku jekk trid treġġa’ lura d-depopolazzjoni tagħha, filwaqt li tistimola l-impjiegi u tħaddan politiki ekonomiċi u soċjali b’saħħithom li jistgħu jreġġgħu lura l-fiduċja taċ-ċittadini tagħha fil-futur.

Fl-Opinjoni dwar L-isfidi demografiċi fl-UE fid-dawl tal-inugwaljanzi ekonomiċi u tal-iżvilupp, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qal li tali approċċ għandu jipprijoritizza politiki attivi dwar is-swieq tax-xogħol li jindirizzaw il-qgħad u jgħinu biex joħolqu impjiegi ta’ kwalità, speċjalment għaż-żgħażagħ, li r-rata tal-qgħad tagħhom għadha madwar id-doppju tal-medja f’kull pajjiż tal-UE.

Element ewlieni ieħor biex jiġu żgurati xejriet demografiċi pożittivi huma l-politiki stabbli u proattivi dwar il-familji li jippromovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, bħal-liv parentali u x-xogħol flessibbli.

Minkejja li tista’ tikkumpensa n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, l-immigrazzjoni mhijiex is-soluzzjoni aħħarija biex tindirizza l-konsegwenzi tat-tixjiħ demografiku fl-Ewropa, qal il-KESE.

"Stati Membri b’politiki attivi dwar il-familja għandhom rati ta’ twelid ogħla minn dawk li m’għandhomx politiki jew għandhom politiki dgħajfin", qal ir-relatur tal-Opinjoni, Stéphane Buffetaut. “L-għan huwa li jiġi ggarantit li t-tfal ma jkollhomx effett ta’ penalizzanti fuq l-istandard ta’ prospetti ta’ għajxien jew ta’ karriera."

Skont il-korelatur Adam Rogalewski, -implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija fattur importanti ħafna biex tittejjeb is-sitwazzjoni demografika tal-UE, bis-saħħa tal-miżuri soċjali b’saħħithom proposti fih.

L-Opinjoni, li kienet abbozzata fuq talba tal-Presidenza tal-UE Kroata, indikat il-problema tal-“eżodu ta’ mħuħ”, li qed tinħass l-aktar fl-Ewropa tal-Lvant, hekk kif il-ħaddiema qed jitilqu lejn pajjiżi li huma aktar b’saħħithom ekonomikament.

Għalkemm il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE huwa libertà fundamentali tal-UE, għandha tingħata attenzjoni biex ma tiżviluppax sitwazzjoni ta’ migrazzjoni sistematika ta’ dawk b’livell għoli ta’ kwalifiki jew ħiliet, għax dan jaggrava d-diskrepanza fil-ħiliet ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, wissa l-KESE. (ll)