Seħħ dak li qatt ma konna naħsbu li se jseħħ. F’daqqa waħda nbidel kollox u xejn ma baqa’ bħalma kien qabel. Qed ngħixu f’ċirkostanzi eċċezzjonali u rridu nkunu reżiljenti sabiex inkunu nistgħu nirreaġixxu b’mod xieraq u nerġgħu lura mill-kriżi b’saħħitna.

Qas naf x’qed nimmissja l-iktar. B’mog egoistiku, inħossuna li qed nimmissjaw kollox: il-libertà, l-oġġetti, is-servizzi, il-mobilità, il-ħbiberija, l-affezzjoni, it-tgħanniq – il-lista ma tispiċċa qatt. Kellna kollox u ma konniex nafu. Irridu nitgħallmu minn din l-isfida.

Qatt ma esperjenzajt xi ħaġa bħal din fi ftit aktar minn 40 sena ħajja.

Din tassew hija tip differenti ta’ “gwerra”. Bħalma qal poeta Portugiż, “din hija gwerra fejn it-tgħanniq huwa l-armi”, b’referenza għall-fatt li ma nistgħux inmissu lil xulxin mingħajr ir-riskju ta’ kontaminazzjoni. Hija diqa ironika meta turija ta’ affezzjoni tista’ litteralment toqtolna.

Fl-1755, kien hemm terremot kbir f’Lisbona li qered kważi kompletament il-belt. Il-markiż ta’ Pombal, ministru fir-renju dak iż-żmien, b’mod famuż qal: “irridu nidfnu lill-mejta u nieħu ħsieb lill-ħajjin”. Illum il-ġurnata dan il-kliem jista’ jinstema’ bla emozzjoni iżda jġiegħlna nifhmu li, anke jekk iddisprati, irridu nkomplu b’ħajjitna u niffaċċjaw b’kuraġġ din l-isfida, għal liema nħossu li ma naħtu xejn.

Iżda issa rrid nitkellem dwar kif għandna nirreaġixxu. Wara xahrejn ta’ sofferenza u konfinament, wara ġimgħat ta’ inċertezza u uġigħ, issa wasal iż-żmien li nieħu ħsieb lil dawk li qed jgħixu u nippruvaw nerġgħu nibnu s-soċjetà, l-ekonomija, l-Ewropa u d-dinja.

U abbażi ta’ dan, ejjew nitgħallmu l-lezzjonijiet it-tajba u nibdew mill-ġdid.

Ħafna se jaħsbu bħali: qatt aktar ma jien se nitlef iċ-ċans li ngħannaq lil xi ħadd jew ngħidilhom kemm nimmisjahom. Qatt aktar mhu se nipprova niddiżapunta lil xi ħadd. Dawn huma kollha intenzjonijiet tajba.

Fuq nota aktar prattika, ħadd ma kien jew seta’ kien ippreparat għal xi ħaġa bħal din. Kif nistgħu nirranġaw dan? Kif nistgħu nibnu mill-ġdid is-soċjetà u l-ekonomija li ssostniha?

Jeħtieġ li nwieġbu dawn il-mistoqsijiet malajr, abbażi tal-prinċipji Ewropej ta’ solidarjetà.

Fil-fatt, jekk naħsbu dwar dak li ċċaħħadna minnu, naħsbu dwar is-suq uniku Ewropew. Fil-fehma tiegħi, il-paragun jagħmel sens: f'daqqa waħda spiċċajna mingħajr netwerk, mingħajr ħajja. Iċċaħħadna mil-libertà u l-moviment liberu tal-oġġetti, is-servizzi u l-persuni, u kollha spiċċajna kkonfinati fiż-żona li ngħixu fiha. Ma kinitx esperjenza pjaċevoli għal ħadd.

Għal din ir-raġuni wkoll jien favur l-Ewropa b’mod sod. Is-suq uniku jagħtina l-libertà, it-tkabbir, il-moviment liberu u s-solidarjetà. Ejja ma nħallux li l-pandemija ċċaħħadna minn ġejjieni aħjar. Ejjew nippromovu Ewropa ħielsa u bbażata fuq is-solidarjetà. Flimkien, ejjew nimxu lejn futur aħjar, fejn ngħannqu lil dawk li nħobbu l-aktar u nieħdu ħsieb lill-oħrajn.