Kriżi oħra għal twissija tal-aħħar! Verament l-aħħar kriżi?

Mill-Grupp Diversità Ewropa

Alain Coheur

Kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi, soċjali, tal-ikel, tal-migrazzjoni, tas-sigurtà u tal-ambjent... u fl-aħħar nett... il-kriżi tas-saħħa. Bil-kummerċjalizzazzjoni tal-biża’, qed niġu mitfugħin fi kriżi waħda wara l-oħra u d-dinja qed tiġi pparalizzata b’mod intenzjonat min-nuqqas ta’ rieda li nesprimu dubji fundamentali dwar il-mudell ta’ żvilupp ekonomiku li għal bosta snin ipprijoritizza lill-interessi finanzjarji filwaqt li pprivatizza s-servizzi pubbliċi u dgħajjef il-protezzjoni soċjali. Dan il-mudell akkwista l-ġid għall-gwadann ta’ xi wħud, żarma l-Istat u ssagrifika lil dawk l-aktar dgħajfa fuq l-altar tal-awsterità bl-argument li “m’hemm l-ebda alternattiva”. Is-sistema ekonomika tagħna wasslet għal tbassir li jaf jikkondizzjona dak li jiġri verament u għal relazzjonijiet frammentati bejn il-bnedmin biex isiru konsumaturi kompulsivi li jixtru għall-pjaċir.

Dawk li qegħdin jiġu ssagrifikati issa ġew issagrifikati qabel ukoll: dawk il-professjonijiet kollha li saru insinifikanti f’għajnejn dawk bil-poter, li ma ngħatawx importanza, ftit li xejn kienu apprezzati jew saħansitra kienu żvalutati issa jinsabu fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Il-professjonijiet li ntesew huma essenzjali għall-koeżjoni soċjali; professjonijiet li għal snin twal irreżistew il-pressjoni mill-profittabiltà, il-produttività u l-effiċjenza ekonomika, minkejja l-protesti, minkejja s-sejħiet li saru fid-dawl ta’ vojt politiku li qed jiżdied. Il-ħaddiema fuq quddiem nett tas-sistemi tas-saħħa tagħna jinkludu l-infermiera, il-ħaddiema fis-servizzi tal-kura, dawk li jagħtu l-għajnuna fid-dar, il-prattikanti ġenerali, l-edukaturi, il-psikologi, il-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-indukrar tat-tfal, l-assistenti soċjali, u dawk kollha li jgħinu lill-persuni morda, esklużi jew li qed ibatu, emarġinati, dipendenti, li m’għandhomx fejn joqogħdu, mingħajr dokumenti, eċċ. Din il-kriżi tas-saħħa tikxef l-eċċessi u l-inugwaljanzi kollha tas-soċjetajiet tagħna.

Insejna t-tifsira tal-ġid komuni u ttraskurajna l-importanza tal-valuri komuni li jgħaqqduna, ilaqqgħuna flimkien, u jikkarraterizzawna fir-relazzjonijiet umani tagħna u fl-eżistenza proprja tagħna. Is-soċjetà tagħna qed titbiegħed aktar lil hinn minn dawn il-valuri minħabba li din kienet diġà mdgħajfa, frammentata b’mod intenzjonat, diżorjentata u maħkuma mid-dellijiet tan-nazzjonaliżmu u l-populiżmu.

Minn issa ’l quddiem, id-dinja politika kif ukoll dik ekonomika se jġorru l-piż kbir li jfittxu soluzzjoni biex noħorġu mill-kriżi. Jista’ jkun hemm biss zewġ riżultati: jew inqisu li din il-kriżi hija waħda mill-perikli li rridu niffaċċjaw fuq bażi ad hoc u għalhekk għandna ngħinu lis-soċjetà tindirizza aħjar avvenimenti bħal dawn, jew inbiddlu l-perspettiva tagħna għal “hemm alternattiva” ladarba tintemm il-kriżi tas-saħħa. Dan jista’ jsir billi jiġi implimentat patt ġdid, patt soċjali u ambjentali ġdid ibbażat fuq il-valuri tas-solidarjetà u l-ugwaljanza, imnebbaħ fost affarijiet oħra mis-suċċessi tal-ekonomija soċjali, li għandu jitħaddem fil-prattika permezz ta’ azzjoni deċiżiva bħalma hi r-rilokazzjoni tal-produzzjoni tagħna billi nagħtu preferenza lil katini tal-provvista qosra, lokali u siguri, kif ukoll billi noħolqu impjiegi li jipprovdu dħul diċenti għal kull wieħed u waħda minna.  Hemm bżonn li s-servizzi pubbliċi jingħataw ħajja mill-ġdid, jiġu rikonoxxuti bħala essenzjali u jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom kif suppost, taħt l-awspiċi ta’ Stat soċjali u regolatorju li ma jkunx marbut mas-swieq finanzjarji.

Jekk nagħmlu l-għażla t-tajba, ma jkollniex biss l-opportunità li nesperjenzaw “il-kriżi li ttemm l-kriżijiet kollha”, iżda wkoll li nbiddlu r-relazzjoni tagħna mas-soċjetà u l-ambjent tagħha.