Għall-ewwel darba, il-KESE jiċċelebra Jum l-Ewropa onlajn

Dis-sena Jum l-Ewropa kien mill-bogħod fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Bħall-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra kollha, il-KESE kien imġiegħel mit-tifqigħa tal-COVID-19 li jirrinunzja għall-Jum għall-Pubbliku tradizzjonali tiegħu fid-9 ta’ Mejju u minflok joffri numru ta’ attivitajiet onlajn ta’ ispirazzjoni.

Is-Sibt 9 ta’ Mejju mmarka s-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman u kien impossibbli li dan is-stadju importanti jgħaddi qisu m’hu xejn mingħajr ċelebrazzjoni kif suppost tal-kisbiet tal-Ewropa. Filwaqt li ffoka fuq l-għaqda u s-solidarjetà, il-KESE ingħaqad mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE fil-kampanja “L-Ewropej kontra l-COVID”, imnedija mill-Parlament Ewropew, biex jingħata ġieħ lill-Ewropej kollha li qed jiġġieldu kontra l-pandemija.

Filmati, artikli, podcasts u kitbiet fil-midja soċjali kienu disponibbli fuq paġna ddedikata fuq is-sit web tal-Kumitat, fejn il-viżitaturi setgħu jiskopru b’mod dirett kif il-KESE kien involut fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-coronavirus. Is-sit web offra wkoll testimonjanzi mill-membri tal-KESE li qegħdin jaħdmu bis-sħiħ fil-livell lokali fl-Istati Membri biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet u lill-komunitajiet tagħhom jindirizzaw l-impatt tal-pandemija.

Fuq is-sit web ġie spjegat ukoll fit-tul kif jaħdem il-Kumitat u kif l-attivitajiet tiegħu huma strutturati madwar gruppi u sezzjonijiet tematiċi, u ġie enfasizzat il-kontribut importanti tiegħu għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u r-rwol essenzjali li jaqdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE.

L-ewwel Jum l-Ewropa li qatt sar onlajn kien suċċess kbir, u ġġenera parteċipazzjoni vasta mit-telespettaturi u mill-midja soċjali. Minkejja dan, il-KESE jistenna bil-ħerqa li jilqa’ lill-viżitaturi lura fil-bini Jacques Delors fi Brussell is-sena d-dieħla għall-Open Day 2021. (mp)