Rifuġjati tal-klima jgħoddu aktar minn nofs il-migranti kollha iżda ma jingħatawx wisq protezzjoni

Sa tliet darbiet aktar nies qed jiġu spostati kull sena minħabba diżastri naturali milli minħabba kunflitti armati jew forom oħra ta’ vjolenza, u ħafna minn dik li issa hija migrazzjoni internazzjonali bdiet bħala ċaqliq intern relatat mal-klima.

Minkejja dan, għadha difettuża l-protezzjoni legali tal-persuni li jkollhom jaħarbu minn darhom u mill-pajjiż tagħhom minħabba kawżi relatati mal-ambjent, mingħajr definizzjoni legali li tiddeskrivi l-istatus tagħhom u l-ebda korp internazzjonali speċifiku ma jissorvelja l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom. Dan it-tħassib tqajjem f’seduta f’Marzu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li saret onlajn minħabba miżuri li ttieħdu fid-dawl tal-coronavirus (COVID-19).

Kelliema waqt is-seduta qalu li l-ispostament ambjentali jrid jitqies bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li għandu jkun hemm approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jeħtieġ qafas legali komprensiv. Bħalissa hemm biss għadd żgħir ta’ mekkaniżmi legali mhux konnessi li jistgħu jintużaw għal dan il-għan.

Id-diskors politiku attwali dwar il-migrazzjoni spiss juża l-migranti u r-rifuġjati bħala “simbolu biex iwissi dwar il-periklu tat-tibdil fil-klima”, li jirriżulta f’argumenti ksenofobiċi li jimplikaw li, sakemm ma tnaqqasx l-emissjonijiet tiegħek ta’ CO2, se tispiċċa b’miljuni ta’ migranti u rifuġjati jħabbtulek il-bieb.

Problema oħra hi li l-istati jaġixxu biss meta jintlaqtu minn diżastru u ma jagħmlu l-ebda attentat biex jipprevjenu l-ispostament fejn possibbli.

Madankollu, iktar importanti minn hekk huwa l-punt li huwa essenzjali li jittaffa t-tibdil fil-klima, qabelxejn billi t-tisħin jiġi limitat għal 1.5 °C, li huwa kruċjali, iżda wkoll billi jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet ta’ CO2. Jekk nonqsu milli nagħmlu hekk, dan se jirriżulta inevitabbilment mhux biss f’aktar migrazzjoni, iżda wkoll fiż-żieda tal-fenomenu ta’ “immobbiltà furzata” – is-sitwazzjoni ddisprata ta’ dawk wisq foqra biex jevakwaw. (ll)