Webinars tal-KESE dwar il-coronavivirus: L-UE u l-Afrika – Ġlieda komuni kontra l-pandemija tal-COVID-19

Fid-29 ta’ April, il-KESE organizza webinar biex jinvestiga s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet UE-Afrika, meqjusa bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għas-snin li ġejjin u issa mhedda mill-pandemija tal-COVID-19. Il-parteċipanti qablu li kienu kwistjonijiet ewlenin il-konsolidazzjoni tal-ktajjen ta’ provvista u ftehim biex jitnaqqas il-piż tad-dejn estern tal-pajjiżi Afrikani.

Luca Jahier, President tal-KESE; Vera Songwe, Sottosegretarju tan-Nazzjonijiet Uniti u Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika tan-NU; Ambaxxatur Ranieri Sabatucci, Kap tad-Delegazzjoni tal-UE u Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni Afrikana; Stefano Manservisi, eks Direttur Ġenerali għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali (DEVCO) fil-Kummissjoni Ewropea; Dilyana Slavova, President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE u Stephen Karingi, Direttur tat-Taqsima għall-Integrazzjoni Reġjonali, l-Infrastruttura u l-Kummerċ fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika tan-NU, ħadu sehem f’dan id-dibattitu, li huwa wieħed minn sensiela ta’ webinars organizzati mill-KESE sabiex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha. (dgf)