Il-President tal-KESE Luca Jahier jappella għal Unjoni tas-Saħħa

Unjoni tas-Saħħa kompluta trid issir prijorità ewlenija għall-futur. Fl-ewwel webinar li qatt sar tal-KESE fl-24 ta’ April 2020, il-President tal-Kumitat Luca Jahier qal li wasal iż-żmien għal pass ġdid ’il quddiem fl-integrazzjoni Ewropea.

L-UE kellha tagħti rispons komuni fis-settur tas-saħħa għall-kriżi attwali tal-coronavirus, billi tikkapitalizza fuq dak li sar matul l-aħħar ftit ġimgħat u timxi ’l quddiem b’viżjoni ċara. “Jeħtieġ li nipproteġu lill-persuni li qed iħabbtu wiċċhom mal-pandemija iżda wkoll li naħdmu flimkien biex nipprevjenu pandemiji ġodda,” qal is-Sur Jahier. “Hawnhekk għandna bżonn, domanda u opportunità biex inkunu Unjoni aktar b’saħħitha li ċ-ċittadini tal-UE jridu.”

Fid-diskussjoni dwar l-isfidi li l-UE qed tiffaċċja minħabba l-emerġenza tal-COVID-19, ingħaqdu mas-Sur Jahier l-MEP Margarida Marques, Viċi President tal-Kumitat tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, u Enrico Letta, l-eks Prim Ministru Taljan u President tal-Istitut Jacques Delors.

Huwa u jikkummenta dwar il-Fond ta’ Rkupru tal-UE adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ April 2020, li approva l-pakkett ta’ sikurezza ta’ EUR 540 biljun adottat mill-Grupp tal-Euro l-ġimgħa preċedenti, is-Sur Jahier innota bi pjaċir li ma kienx hemm aktar tensjonijiet bejn l-Istati Membri. Fuq l-istess linja, is-Sinjura Marques enfasizzat li l-Kunsill ta sinjal pożittiv u b’saħħtu lill-Ewropej: “L-ebda Stat Membru m’huwa se jkun jista’ jikkonforma mar-regoli fiskali tal-UE. Din hija kriżi simetrika b’konsegwenzi simetriċi u jeħtieġ li nirkupraw fil-livell Ewropew, mhux biss fil-livell nazzjonali. Irridu nkunu speċifiċi u nwettqu s-solidarjetà mwiegħda.”

Huwa u jħares ’il quddiem lejn il-ġejjieni, is-Sur Letta ħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun kuraġġuża: “Issa huwa ż-żmien li din il-Kummissjoni tadotta approċċ matur u, filwaqt li tieħu lil Jacques Delors bħala l-mudell tagħha, tkun proattiva ħafna u tressaq proposti ambizzjużi li għandhom jiġu ppreżentati liċ-ċittadini, anke jekk dawn mhumiex kollha diġà maqbula mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini għandhom rwol ewlieni fis-soluzzjoni u meta jagħtu l-appoġġ tagħhom, l-Istati Membri jaslu jaqblu ma jdumux.” (mp)