Fit-2 ta’ April, il-President tal-KESE Luca Jahier, akkumpanjat mill-membri tal-KESE Isabel Cano, Stefano Mallia u Cristian Pirvulescu, żar il-Mużew Red Star Line f’Antwerp – post simboliku għall-migrazzjoni Ewropea. Żewġ miljun passiġġier ivvjaġġaw minn Antwerp, il-port ewlieni Ewropew tal-kumpanija Red Star, abbord il-vapuri tagħha, lejn l-Amerika ta’ Fuq.

Il-mużew jiffoka fuq l-istejjer tagħhom. Skont il-President Luca Jahier, il-kwistjoni tal-migrazzjoni għadha suġġett ewlieni għall-Ewropa. Mhijiex waħda ġdida li qasmet lin-nies biss fis-snin reċenti, iżda hija parti mill-istorja tal-Ewropa, u r-rabta hija assolutament ċara.  Għal miljuni ta’ migranti l-ewwel raġuni biex jitilqu minn pajjiżhom kienet is-sigurtà – għax in-nies li kienu persegwitati ħolmu b’ħajja fejn setgħu jgħixu liberament. It-tieni raġuni kienet ekonomika – riedu ħajja aħjar. U t-tielet raġuni kienet l-imħabba – il-ħolma ta’ ħajja kuntenta mal-persuna li jkunu ltaqgħu magħha. Matul iż-żjara tagħhom, id-Delegazzjoni tal-KESE ltaqgħet ma’ grupp ta’ migranti mis-Sirja, l-Armenja, l-Iran u l-Kongo li ġew megħjuna mill-Komunità ta’ Sant’Egidio. Dawn tkellmu dwar id-destin tagħhom, dwar is-sitwazzjoni tal-migranti u r-refuġjati li jkunu għadhom kif waslu fil-Belġju, iżda wkoll dwar it-tama tagħhom għal ħajja aħjar.