“Il-Kummissjoni għandha l-obbligu morali li tirreaġixxi għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej” , qal l-Ewwel Viċi President Frans Timmermans

Christophe Lefevre, membru tal-KESE u President tal-grupp ad hoc tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, fetaħ it-8 Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fit-2 ta’ April.

Laura Sullivan, fundatriċi ta’ WeMove.EU, li tat id-diskors ewlieni, qalet li l-attiviżmu diġitali jista’ jimmobilizza gruppi akbar ta’ nies. Iservi wkoll biex jenfasizza dak li nikkondividu u l-kawża komuni tagħna, u jgħin isaħħaħ is-solidarjetà u l-impenn fl-Ewropa kollha. “Ta’ spiss m’aħniex konxji ta’ kemm għandna affarijiet komuni”, iddikjarat hi.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans ippreżenta r-regoli l-ġodda għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej. Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju tkellem dwar id-dimensjoni politika tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: “M’hemm l-ebda obbligu li l-promoturi ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jingħataw dawk li jridu. Fil-fehma tiegħi, madankollu, hemm obbligu morali u politiku għall-Kummissjoni biex tirreaġixxi u tinvolvi ruħha f’dibattitu politiku. In-nies jistennew li nkunu ċari dwar x’għandu jsir u x’ma jistax isir.”

L-sfida għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss kienet li tivvaluta kif id-diġitalizzazzjoni u d-demokrazija jaħdmu flimkien b’mod effettiv, anke billi nerġgħu nivvintaw id-demokrazija kif nafuha u naddattawha għad-dinja tal-lum.”

Ilħna Diġitali” kienet it-tema tal-Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej 2019. In-nattivi diġitali m’għadhomx jistennew l-elezzjonijiet biex jesprimu l-preferenzi tagħhom; huma jitkellmu dwar it-tħassib tagħhom il-ħin kollu u f’kull opportunità.

“Li ma jitqiesux il-fehmiet espressi fid-dinja diġtali huwa għażla injoranta u saħansitra stupida”, qal is-Sur Lefevre, “iżda l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet tal-UE jridu jkunu kapaċi jadattaw għal din it-tendenza u jkollhom responsabbiltà partikolari fir-rigward tal-informazzjoni korretta u d-difiża u r-rispett tal-prinċipji etiċi.” (sma)