European Economic
and Social Committee
Midja affidabbli biex tiġġieled l-aħbarijiet foloz dwar il-COVID-19
Mill-Grupp Diversità Ewropea tal-KESE
Li tiekol it-tewm, tixrob ilma jaħraq, tevita l-ġelat ... Forsi ltqajt ma’ dan it-tip ta’ parir fuq l-internet bħala “suġġerimenti” biex tevita milli timrad bil-COVID-19. Reċentement tkellimt ma’ ħabiba – minix se nsemmi ismijiet – u qaltli li huwa frustranti ħafna li ma jirnexxiliex issib informazzjoni ġenwina dwar il-vajrus.
L-ikbar tħassib huwa l-fiduċja fil-midja. Milux, fil-bidu ta’ Marzu, qattajt siegħa u għaxar minuti fuq it-telefown nitkellem ma’ bidwi, membru tal-organizzazzjoni tiegħi LTO (l-Assoċjazzjoni tal-Agrikoltura u l-Ortikoltura tan-Netherlands), u ħadt battikata niġġieled it-teoriji ta’ kospirazzjoni li jemmen fihom.
Għidtlu li ħafna mill-informazzjoni li tkun qed iddur fil-verità hija materjal mhux ivverifikat, maħluq biex iżid in-numru ta’ nies li jaqrawh – kruċjali għas-CV tal-kittieb – li imbagħad jiġi distribwit fil-midja soċjali minn nies li jkunu qed ifittxu konferma għall-preġudizzji tagħhom. Iżda naturalment, ir-realtà madwar il-vajrus hija ħafna aktar ikkomplikata. Imbagħad hemm ukoll id-deep fakes.
Huwa ta’ dieqa tara lill-President Trump innifsu jferrex informazzjoni ħażina filwaqt li jċanfar lill-midja li xxerred l-aħbarijiet foloz u lill-avversarji politiċi tiegħu. Fil-bidu tal-pandemija, qal li l-vajrus kien “ingann”; dan mhux biss kien “qarrieqi” iżda gidba serja. Meta mistoqsi fit-12 ta’ Marzu jekk jaċċettax responsabbiltà għall-problemi fl-ittestjar, huwa qal li “ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà”. Kliem li se jibqgħu jiġru warajh għall-bqija tal-mandat tiegħu.
Jekk nitgħallmu xi ħaġa minn din il-kriżi, huwa li hemm bżonn ta’ informazzjoni affidabbli minn midja affidabbli. U għad hemm ħafna minn dawn il-midja, fortunatament, għalkemm intlaqtu minn tnaqqis fil-baġit. In-nies iridu informazzjoni affidabbli u indipendenti u iva, jafu minn fejn isibuha. Nispera li l-bidwi li tkellimt miegħu jaf dan ukoll s’issa.
Għal ġurnalist imparzjali, l-isfida tibqa’ meta għandu jgħaddi l-aktar informazzjoni affidabbli u l-aħjar, u meta għandu jevita li jiżloq fil-propoganda tal-gvern. Persważ li ħafna qegħdin jissieltu ma’ dik id-dilemma. Iżda meta xi wħud qed jgħidu li lill-midja ma jafdawhiex aktar u ma jafux fejn jistgħu jduru għal informazzjoni affidabbli dwar il-COVID-19, probabbillment mhux qed jagħmlu sforz ifittxuha.
U iva, il-bidwi li tkellimt miegħu rringrazzjani talli tal-ħin twil li qattajna fuq it-telefown. Qalli li din ma sseħx ta’ kuljum.
Klaas Johan Osinga, membru tal-KESE