Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Hekk kif il-kriżi tal-COVID-19 tkompli tikber madwar l-Ewropa, il-Grupp tal-Ħaddiema tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa mħasseb ħafna dwar attakki fuq in-negozjar kollettiv u fuq id-drittijiet tal-ħaddiema f’ċerti Stati Membri. Ninsabu partikolarment allarmati bis-sitwazzjoni fil-Polonja, fejn il-gvern qed jipproponi leġislazzjoni ta’ emerġenza biex jindirizza l-COVID-19 li se tikser l-indipendenza tal-Kunsill għad-Djalogu Soċjali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

Il-Grupp tal-Ħaddiema huwa konxju wkoll li fl-Italja, fejn il-gvern u l-imsieħba soċjali laħqu ftehim li l-benefiċċji tal-qgħad għall-ħaddiema li ma jistgħux jaħdmu matul il-kriżi tal-COVID-19 se jiġu deċiżi bi ftehim kollettiv, il-politiċi tal-lemin estrem talbu għas-sospensjoni ta’ tali negozjar kollettiv.

Fl-Ungerija, saru bidliet fil-liġi tax-xogħol li jipperikolaw id-drittijiet tal-ħaddiema u mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, il-Prim Ministru Viktor Orban ħataf l-opportunità tal-pandemija biex jingħata setgħat ta’ emerġenza li jmorru ferm lil hinn mill-istatuti ta’ emerġenza fil-pajjiżi l-oħra tal-UE u li jipperikolaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali: is-setgħat ta’ emerġenza m’għandhomx limitu ta’ żmien, u se jippermettulu jressaq quddiem il-qorti lil kull min ixerred informazzjoni falza, inklużi l-ġurnalisti.

Ir-reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 hija eżami ewlenija ta’ żminijietna. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-gvernijiet jista’ jkollhom bżonn jadottaw miżuri ta’ emerġenza biex jindirizzaw l-impatti tal-pandemija, il-Grupp tal-Ħaddiema jenfasizza l-ħtieġa li l-gvernijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trejdjunjins. Issa huwa ż-żmien għal solidarjetà u li naħdmu flimkien. Hekk biss se negħlbu din il-pandemija. (segGruppĦaddiema)