Iż-żgħażagħ Ewropej iridu li l-edukazzjoni u l-midja soċjali jagħtu spinta lid-demokrazija u lill-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-UE

Participants in YEYS 2019

Sillabu mandatorju dwar il-politika Ewropea sabiex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-UE qabel ma jitfgħu l-vot tagħhom kienet l-aktar proposta vvotata tal-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek (YEYS) ta’ din is-sena, l-avveniment għaż-żgħażagħ organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu 2019. Din u tliet proposti oħra li jiffukaw fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-midja soċjali biex tingħata spinta lill-attendenza fl-elezzjonijiet ser jintbagħtu lill-Parlament Ewropew biex jiġu kkunsidrati.

Wara jumejn diskussjonijiet u dibattiti vivaċi, id-99 student postsekondarju ta’ bejn is-16 u s-17-il sena magħżula għall-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2019” ippreżentaw 10 rakkomandazzjonijiet matul sessjoni plenarja finali. L-edukazzjoni u l-midja soċjali kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, u numru ta’ proġetti għaqqdu flimkien pjattaformi onlajn u laqgħat fil-ħajja reali, biex jgħaqqdu lis-soċjetà ċivili ma’ dawk li jfasslu l-politika. L-4 proposti l-aktar ivvutati kienu:

1. #Future is now (Il-futur hu issa), proġett ta’ sillabu obbligatorju għall-iskejjel fl-Ewropa kollha bi 3 taqsimiet: prattika, bi żjarat lejn l-istituzzjonijiet tal-UE; teorija, b’testijiet u preżentazzjonijiet; u pjattaforma interattiva bi kwiżżijiet u filmati.

2.EU&U.EU, sit web li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar l-UE u l-elezzjonijiet tal-UE sabiex tiżdied it-trasparenza u l-għarfien b’użu intensiv tal-midja soċjali u l-kontenut multimedjali.

3. (ex-aequo) Europe E-VOTE (Votazzjoni elettronika għall-Ewropa), proposta biex jum l-elezzjoni jsir vaganza nazzjonali u biex tiġi promossa l-votazzjoni elettronika u From You to EU (Mingħandek għal għand l-UE), inizjattiva li tikkonnektja l-movimenti soċjali mal-politiċi u li tippermettilhom jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet.

Il-proposti l-oħra ppreżentati mill-istudenti kienu:

#Insta (nt) vote (votazzjoni #Insta (ntanja): titjieb il-prestazzjoni tal-kontijiet tal-midja soċjali tal-UE billi jiġi inkluż kontenut ta’ kwalità għolja speċifikament indirizzat liż-żgħażagħ, bħal filmati qosra u kummenti mill-influwenzaturi bħala mod kif tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni.

Network of Young Europeans (Netwerk ta’ Żgħażagħ Ewropej), proġett li għandu l-għan li jinforma dwar l-azzjoni u l-limiti tal-UE, jikkonnektja persuni differenti madwar l-Ewropa kollha u jispira d-dibattitu permezz ta’ pjattaforma tal-Internet biex jiġu organizzati proġetti u jiġi ppubblikat ir-riżultat tagħhom.

Find(ing) your voice (Sib leħnek), proġett li jinvolvi summit li jsir tliet darbiet fis-sena bi djalogu wiċċ imb’wiċċ u attivitajiet li jinvolvu lill-Ewropej żgħażagħ u lill-politiċi kif ukoll sit web b’kontenut u informazzjoni interattivi.

Shape your future – express yourself (Sawwar futurek – esprimi ruħek), li jikkonsisti f’sit web li jkun jista’ jippermetti li jinkitbu opinjonijiet dwar diversi suġġetti li għandhom fil-mira żgħażagħ taħt is-26 sena. L-opinjonijiet ikunu jistgħu jintgħoġbu jew ma jintgħoġbux mill-utenti u dawk l-aktar popolari jiġu ppreżentati fil-Parlament Ewropew.

SharEU,app li tista’ tintuża il-movimenti soċjali jiġu kkonnektjati mal-istituzzjonijiet tal-UE, b’moderaturi speċjalizzati li kull xahar iressqu rapport dwar l-inizjattivi mtellgħin lill-Parlament Ewropew, u b’hekk tinħoloq rabta aktar mill-qrib mal-poplu.

Voices worth being heard (Fehmiet ta’ min jismagħhom), pjattaforma fejn jistgħu jiġu promossi inizjattivi u diskorsi biex il-votanti jitħeġġu jinvolvu ruħhom u jiġġieldu għall-ideat tagħhom stess. L-udjenza tagħżel l-inizjattivi li għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew.

L-istudenti ntlaqgħu minn Luca Jahier, il-President tal-KESE, li qal: Irridu nsegwu l-eżempju ta’ Greta Thunberg, li kienet kapaċi timmobbilizza numru kbir ta’ nies f’qasir żmien bl-użu ta’ lingwaġġ dirett. Jekk jogħġobkom ingħaqdu f’din il-ġlieda, kunu provokattivi, intom qed tiġġieldu mhux biss għall-futur tagħkom stess, iżda wkoll għall-futur tagħna. Isabel Caño, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, għalqet l-avveniment b’dan il-kummenti: Kburin naqsmu l-ideat tagħkom, il-ħolm tagħkom, l-entużjażmu tagħkom u s-soluzzjonijiet tagħhom f’istituzzjoni bħall-KESE, fejn ilkoll nitgħallmu ninnegozjaw bħala mod kif nilħqu kunsens. (dgf)