Il-komunikazzjoni hija l-isfida, u l-midja soċjali huma t-tweġiba

Veru li l-parteċipanti fl-avveniment marbuta mal-inizjattiva L-Ewropa Tiegħek, Leħnek huma żgħażagħ, iżda l-fehma tagħhom dwar l-affarijiet tal-UE ma tantx hija differenti minn dik tal-adulti: jimpurtahom daqs il-ġenituri tagħhom dwar iż-żieda fil-populiżmu, it-theddid għad-demokrazija u l-iżviluppi reċenti li potenzjalment jipperikolaw il-proġett tal-UE, bħall-Brexit. Huma fehmu wkoll li l-UE għandha trodd lura l-fiduċja fost iċ-ċittadini billi tikkomunika aħjar, u sabu wkoll soluzzjoni potenzjali fil-midja soċjali bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tat-trasparenza, is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-affarijiet tal-UE.

“F’pajjiżi hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Personalment, ma kont naf xejn qabel ġejt Brussell,” qal student Awstrijak, li żied jgħid li: “Meta l-politiċi jkunu qed jiddibattu, jużaw lingwaġġ li ż-żgħażagħ ma jifhmux.” Dil-kwistjoni tal-komunikazzjoni tqajmet ukoll minn parteċipanti oħra, li ddependew bil-bosta mill-midja soċjali biex jilħqu lill-votanti żgħażagħ: “Qajla hemm komunikazzjomi bejn il-midja soċjali tal-UE u dawk li jsegwuhom; fil-fatt, il-kontenut huwa verament sikkanti!” qal student Ġermaniż.

Fid-dibattiti, tqajjem ukoll ir-riskju li dan in-nuqqas ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal żieda fil-populiżmu ta’ tipi differenti u jhedded id-demokrazija u l-valuri tal-UE: “Dawk li jorqdu f’demokrazija jistgħu jqumu f’dittatorjat xi darba,” qalet parteċipanta f’wieħed milll-gruppi. Bosta parteċipanti oħra semmew il-valuri tal-UE bħala r-rabta ewlenija kondiviża miż-żgħażagħ mill-Istati Membri kollha: “Aħna ġejjin minn pajjiżi differenti, iżda lkoll qed nissieltu flimkien għall-istess valuri,” qalet tfajla żagħżugħa, li mill-ewwel kellha l-appoġġ ta’ parteċipanta li ddikjarat li: “L-Ewropa hija dwar li nkunu magħquda fid-diversità u li nippruvaw nippreservaw il-paċi u d-demokrazija.”

Dawn il-preokkupazzjonijiet kollha kienu riflessi fl-għaxar proposti li abbozzaw l-istudenti, li lkoll kienu jinkludu l-ħtieġa għaċ-ċarezza u t-trasparenza fil-politika tal-UE dwar il-komunikazzjoni. Fil-fehma ta’ dawn iż-żgħażagħ, ir-risposta tinsab litteralment f’idejna fil-forma tal-mowbajls: il-midja soċjali huma t-tweġiba, peress li jagħmlu possibbli rabta diretta bejn il-politiċi u ċ-ċittadini. Kif qalet waħda mill-istudenti: “Il-politiċi jaħsbu li ż-żgħażagħ ma jagħtux kas il-politika, imma dan mhux minnu. Iżda jekk iridu li ż-żgħażagħ jipparteċipaw, jeħtieġ li jitgħallmu kif jużaw il-midja soċjali kif imiss!” (dgf)