“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” mill-perspettiva ta’ parteċipanti preċedenti: esperjenza li tibdlek

L-ewwel edizzjoni ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” saret fl-2010, meta l-kriżi finanzjarja devastanti kienet għadha kif bdiet, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kellhom presidenti differenti u l-kelma Brexit ma kenitx magħrufa. Instagram ma kienx jeżisti, WhatsApp kien għadu kif inħoloq u Twitter kellu biss 100 miljun utent, li mhu xejn meta mqabbel mal-1.5 biljun utent irreġistrati fl-2019. Ħafna affarijiet inbidlu minn dak iż-żmien ’l hawn, iżda l-entużjażmu u l-enerġija taż-żgħażagħ għadhom l-istess, u għal dan l-10 anniversarju ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”, il-KESE stieden tliet parteċipanti preċedenti biex jieħdu sehem fid-dibattiti u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Carlos Aceituno, minn Spanja, kien wieħed mill-parteċipanti fl-ewwel edizzjoni ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” fl-2010. Dik is-sena, l-iżbruffar ta’ vulkan fl-Iżlanda mblukka t-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, għalhekk diversi delegazzjonijiet ma setgħux jiġu Brussell u l-għalliema Spanjoli u Portugiżi kellhom isuqu l-istudenti tagħhom lura lejn darhom f’vann tal-kiri kondiviż. Iżda Carlos jiftakar l-inizjattiva għal ħafna iżjed raġunijiet: “Kienet opportunità tajba biex nitgħallem dwar il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u biex noħloq rabta personali mal-proġett tal-UE.” Carlos, li llum għandu 25 sena, jgħallem il-matematika lill-adoloxxenti, iżda jinteressa ruħu wkoll fil-politika: “Nixtieq nikseb esperjenza fit-tagħlim u mbagħad, fil-futur, ninvolvi ruħi f’inizjattiva ta’ edukazzjoni għall-persuni b’diżabbiltà jew anke noħloq il-kumpanija ta’ konsulenza tiegħi f’dan il-qasam”. Carlos għandu viżjoni ċara ħafna tal-influwenza tal-inizjattiva “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” fuq id-direzzjoni professjonali tiegħu: “Mhux se ngħid li l-parteċipazzjoni tiegħi fl-inizjattiva ddeterminat l-għażliet tiegħi, għaliex dik il-ħabta diġà kont naf li ridt insir għalliem, iżda żgur li għenitni nifhem ir-rabta bejn l-edukazzjoni u l-azzjoni politika.”

Fl-2012, seba’ snin ilu biss, Evita Nedzvecka ġiet mil-Latvja biex tieħu sehem fit-tielet edizzjoni ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”. Illum il-ġurnata hija l-iżgħar diplomat f’pajjiżha u taħdem għall-ambaxxata Latvjana f’Oslo. Karriera brillanti li tista’ tkun marbuta wkoll mal-esperjenza tagħha f’“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”:“Naf biċ-ċert li l-esperjenza tiegħi f’“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” wasslitni għad-deċiżjoni li nistudja l-affarijiet internazzjonali, u li mbagħad wittiet it-triq biex insir diplomat. L-esperjenza għenitni wkoll nifhem kif id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-istituzzjonijiet u kif in-nies jistgħu jinfluwenzawhom.” Iżda l-esperjenza kienet pożittiva wkoll mil-lat personali, peress li xi parteċipanti għadhom f’kuntatt permezz tal-midja soċjali u, kif tgħid Evita, “għenitni wkoll nikseb esperjenza u nsir kunfidenti. Wara kont naf li nista’ nagħmel kulma rrid.”

Giovanni Arcari,mill-Italja, għex l-esperjenza ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” fl-2014, u jaqbel mal-biċċa l-kbira tal-fehmiet taż-żewġ parteċipanti preċedenti l-oħra: “Minn dejjem kont interessat fil-politika, iżda mhux fil-partiti politiċi, u bis-saħħa ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” skoprejt ir-rwol tal-KESE u tas-soċjetà ċivili. Personalment, se nkompli nxandar x’inhu l-KESE u x’jagħmel u x’esperjenza kbira hija li tipparteċipa f’“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek””. Giovanni, li llum għandu 22 sena, qed jistudja l-inġinerija mekkanika fil-Ġermanja. Huwa jenfasizza wkoll il-benefiċċji ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” mil-lat tal-awtostima: “Kienet l-ewwel darba li kelli nitkellem fil-pubbliku, u kelli nitkelem bl-Ingliż. Verament għenitni negħleb ċerti ostakli mentali u skoprejt li stajt nikkomunika ma’ nies minn pajjiżi oħra u minn sfondi differenti.”

Ir-rwol ta’ dawn il-“veterani” kien li jieħdu sehem fid-dibattiti u jagħmlu użu mill-esperjenza tagħhom biex jgħinu lill-parteċipanti ta’ din is-sena biex jiddefinixxu aħjar il-proposti tagħhom. It-tlieta li huma nnutaw l-enerġija u l-entużjażmu tal-istudenti u kienu impressjonati bl-għarfien sod tagħhom, li nkiseb l-aktar permezz ta’ użu intensiv tal-midja soċjali u riżorsi onlajn. Qablu wkoll li l-metodoloġija ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” tjiebet bil-bosta: “Naħseb li l-format il-ġdid huwa aktar kreattiv, jippermetti lill-parteċipanti jesprimu ruħhom b’mod liberu”, jgħid Carlos. Giovanni jaqbel ma’ din l-idea, iżda jissuġġerixxi li d-dibattiti għandhom ikunu “ftit aktar strutturati” biex tiġi evitata d-distrazzjoni. Evita kkonkludiet id-diskussjoni b’verità sempliċi: “It-talent huwa talent, ma tagħmilx differenza minn fejn ġej jew x’metodoloġija qed tuża”, u dan huwa l-essenza ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”. (dgf)