Il-KESE lest li jissieħeb mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil

Ftehim ġdid dwar il-migrazzjoni huwa meħtieġ b’mod urġenti fil-livell Ewropew u, għal dan il-għan, il-KESE huwa lest li jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni. Il-President tal-KESE, Luca Jahier, meta tkellem fi Brussell fit-3 ta’ Marzu 2020, għamilha ċara li l-migrazzjoni hija prijorità għall-KESE, kif joħroġ mill-fatt li l-Kumitat ilu attiv ħafna f’dan il-qasam għal ħafna snin. “Jeħtieġ li l-UE taġixxi minnufih biex tfassal patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil, kif ukoll taħdem flimkien mal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni. Huwa qal li “Jeħtieġ li nistabbilixxu proċedura ta’ asil ġenwinament komuni u li tkun affidabbli, flessibbli u effiċjenti.”

Fid-diskors waqt id-dibattitu organizzat mis-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE fl-istess ġurnata, Ylva Johansson, Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, enfasizzat il-ħidma attwali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u l-intenzjoni tagħha li tagħti nifs ġdid lit-tfassil tal-politiki tal-UE permezz ta’ ftehim ġdid. “Għandna bżonn patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil, l-ewwel nett għaliex l-aktar vulnerabbli jiddependu fuqu, u t-tieni għax l-ekonomija u s-soċjetà tagħna jibbenefikaw mill-migrazzjoni legali: is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħna jeħtieġ li jkunu sostenibbli fit-tul u l-kumpaniji tagħna jirrikjedu persuni b’ħiliet,” qalet.

Hi indikat l-importanza li tiżdied il-fiduċja u jingħelbu d-differenzi bejn l-Istati Membri, sabiex il-gvernijiet nazzjonali jkunu jistgħu jsibu triq komuni ’l quddiem. “Jeħtieġ nagħmluha ċara li l-migrazzjoni hija xi ħaġa normali. Kull sena, bejn 2 u 2.5 miljun ruħ jaslu fl-UE: 140 000 minn dawn il-wasliet huma irregolari – ekwivalenti għal 5 %. Dan ifisser li 95 % tal-persuni qed jaslu b’mod ordnat, immonitorjat u ġestit,” hija sostniet. (mp)