Il-KESE jadotta pożizzjoni dwar il-prijoritajiet ekonomiċi għall-2020

Fi Frar, il-KESE adotta l-Opinjonijiet tiegħu dwar l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli għall-2020 tal-Kummissjoni Ewropea (ECO/502) u dwar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ECO/503). L-Opinjonijiet jirrappreżentaw il-kontribut tal-KESE għad-dibattitu dwar il-prijoritajiet ekonomiċi għas-sena li jmiss u lil hinn, li se jiġi adottat formalment mill-Kunsill Ewropew f’Marzu.

Il-Kumitat jilqa’ l-approċċ li ttieħed fl-istrateġija, l-inklużjoni tal-SDGs, l-enfasi aktar b’saħħitha fuq l-objettivi fit-tul u l-indikazzjonijiet tal-investiment. Huwa japprezza wkoll il-fatt li d-drittijiet soċjali huma enfasizzati u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjoni tal-ġeneru.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli l-ogħla prijorità għall-politiki ekonomiċi Ewropej u nazzjonali fl-2020 u lil hinn. Fil-fehma tiegħu, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrappreżenta mhux biss bidla kbira għall-ekonomiji tal-UE, iżda wkoll opportunità biex jissaħħu l-prosperità u l-konverġenza ekonomika fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha kemm hi. Il-Patt Ekoloġiku għandu jsir is-sinsla ta’ politika ekonomika futura tal-UE u taż-żona tal-euro u jwassal għal paradigma ekonomika ġdida. Il-prijoritajiet ekonomiċi għandhom għalhekk jiġu allinjati miegħu.

Il-Patt Ekoloġiku u t-tkabbir sostenibbli jirrikjedu riformi u investiment biex jinkisbu. Il-KESE jemmen li l-finanzjament propost għall-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta u l-Mekkaniżmu mhux se jkun biżżejjed. Huwa jipproponi li r-riżorsi finanzjarji għal dawn l-għodod jiżdiedu u jitlob li jkun hemm miżuri addizzjonali biex jiġi faċilitat u mtejjeb i-finanzjament privat u pubbliku.

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li l-politika monetarja akkomodanti attwali tal-BĊE tiġi kkomplimentata b’politika fiskali aggressiva b’mod kawt fil-livell taż-żona tal-euro. Jenħtieġ li tiġi żgurata interazzjoni bbilanċjata bejn il-politika ekonomika u l-pilastri differenti tal-UEM u li tiġi adottata r- "regola tad-deheb" għal investiment pubbliku.

Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq finanzjarju billi jiġu implimentati l-bqija tal-elementi ewlenin għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali barra t-tfassil ta’ sistema ta’ taxxa xierqa għall-ħtiġijiet futuri, skont il-KESE.(jk)