Ir-regolazzjoni tal-midja soċjali, l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-appoġġ tal-ġurnaliżmu indipendenti ta’ kwalità – dawn huma wħud mill-prerekwiżiti ewlenin għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u s-salvagwardja tad-demokrazija tal-UE, jgħid il-KESE.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kellu seduta pubblika biex jesplora l-impatt tal-kampanji biex jiżdied l-għadd ta’ nies li ħarġu jivvutaw fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej u biex janalizza l-opportunitajiet għall-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u l-iżgurar li l-pubbliku jipparteċipa iktar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi fl-UE tul iċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss ta’ ħames snin.

Is-seduta żvelat li l-Ewropej qed isiru dejjem iżjed esposti għal valanga ta’ aħbarijiet foloz, ġurnaliżmu ta’ kwalità baxxa li jxaqleb lejn is-sensazzjonaliżmu minflok rappurtar imparzjali, u kontenut fuq il-midja soċjali mmirat biex jakkomoda diversi interessi kummerċjali jew politiċi.

Is-seduta saret sabiex jinġabru kontributi għall-Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar l-effetti tal-kampanji fuq il-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, fejn is-Sinjura Škrabalo hija relatur.

Barra minn rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Presidenza Kroata, is-seduta laqgħet flimkien uffiċjali għolja mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ), l-East Stratcom Task Force tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-UE DisinfoLab, Carnegie Europe u d-Drittijiet Diġitali Ewropej (EDRI).

L-Opinjoni tal-KESE se tiġi ppreżentata fis-sessjoni plenarja tal-KESE f’Marzu. (ll)