Is-sostenituri tar-regoli tal-UE għal katina trasparenti tal-ikel jindirizzaw il-plenarja tal-KESE

Fl-aħħar sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa’ l-organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Eat Original. Unmask Your Food”, li qed tappella lill-Kummissjoni Ewropea timponi tikkettar obbligatorju tal-oriġini għall-prodotti kollha tal-ikel sabiex tiġi evitata l-frodi u jiġi garantit id-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni.

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Eat Original. Unmask Your Food” ġabret 1,1 miljun firma fit-28 Stat Membru kollha sat-2 ta’ Ottubru 2019, tmiem il-perjodu ta’ ġbir.

Paolo di Stefano, kap tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-UE ta’ Coldiretti, l-organizzazzjoni Taljana prinċipali tal-bdiewa, li kkoordina din l-inizjattiva, qal: “Din ilna nistennewha, u turi li ċ-ċittadini tal-UE jixtiequ jkunu jafu x’verament qegħdin jieklu”.

Il-President tal-KESE Luca Jahier qal: “Din l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija ta’ interess partikolari għall-KESE, li wera fehmietu dwar is-suġġett f’diversi opinjonijiet, u jappoġġja b’mod qawwi regoli aktar ċari u informazzjoni aħjar għall-konsumaturi, filwaqt li jirrakkomanda aktar trasparenza fit-tikkettar dwar l-oriġini tal-ikel.”

Il-problema li qed tiffaċċja l-UE hija li, f’dan l-istadju, it-tikkettar dwar l-oriġini huwa obbligatorju biss għal ċertu ikel, filwaqt li volontarju għall-kumplament, u dan iħalli lakuni kbar ta’ informazzjoni.

Indikazzjoni obbligatorja dwar l-oriġini fuq it-tikketti tal-ikel tgħin tipprevjeni l-falsifikazzjoni u l-prattiki kummerċjali żleali.

Dawk li qed jappoġġjaw l-inizjattiva jemmnu li din il-leġislazzjoni armonizzata li tant hemm bżonnha żżid is-sigurtà alimentari u t-trasparenza matul il-katina ta’ provvista tal-ikel, hekk kif is-sistema ntweriet b’mod ċar li hija vulnerabbli mingħajr tikkettar obbligatorju dwar l-oriġini fis-seħħ.

L-Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta' dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE, adottata fi Frar 2019, għamlet pass ieħor, u rrakkomandat tikkettar wiesgħa tal-ikel, inkluż dwar l-aspetti ambjentali u soċjali. (mr)