Il-KESE u l-ILO jintensifikaw l-isforzi biex isawru l-ġejjieni tax-xogħol imfassal fuq il-valuri tagħna

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) organizza dibattitu mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-ġejjieni tax-xogħol u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bil-għan li jiġu esplorati toroq oħrajn għall-kooperazzjoni u biex jiżdiedu l-isforzi ħalli d-dinja tax-xogħol li qed tinbidel malajr nagħmluha ġusta, deċenti u inklużiva għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Id-dibattitu sar fi Brussell fis-sessjoni plenarja tal-KESE, il-korp tal-UE li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili tal-Ewropa. Il-KESE ta merħba lid-Direttur Ġenerali tal-ILO Guy Ryder, li ppreżenta d-Dikjarazzjoni Ċentinarja għall-Ġejjieni tax-Xogħol tal-ILO.

Wara li feraħ lil Guy Ryder f’għeluq il-100 sena tal-ILO, il-President tal-KESE, Luca Jahier , esprima l-impenn tal-organizzazzjoni tiegħu fir-rigward tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-ġejjieni tax-xogħol

Filwaqt li indirizza l-plenarja, is-Sur Ryder qal li l-ILO ħadet il-kompitu hija stess biex tara kif se ssawwar il-ġejjieni tax-xogħol sabiex dan ikun skont il-valuri tagħna, f’kuntest fejn il-biża’ saret ħaġa komuni meta n-nies iqisu l-ġejjieni tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Huwa qal li d-Dikjarazzjoni Ċentinarja kellha ħafna similaritajiet mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Huwa saħaq dwar l-importanza li nħarsu l-post tan-negozjar kollettiv u jemmen li l-KESE għandu rwol kruċjali x’jaqdi f’dan ir-rigward. Huwa rrefera wkoll għall-impatt li l-opinjonijiet tal-KESE jista’ jkollhom fuq l-impjieg globali u l-istandards soċjali u fuq il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

F’dak li jirrigwarda l-Patt Ekoloġiku Ewropew, is-Sur Ryder qal li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika fl-2050 “mhijiex dwar it-tfassil tal-ġejjieni għan-nies, iżda man-nies”.

Filwaqt li ħarsu ’l quddiem għal aktar kooperazzjoni bejn il-KESE u l-ILO, il-membri tal-KESE u s-Sur Ryder skambjaw fehmiet dwar l-isfidi ewlenin għall-ekonomija.

Ftit qabel is-sessjoni plenarja, Isabel Caño Aguilar, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, fetħet wirja dwar “100 sena ta’ protezzjoni soċjali bis-saħħa tal-ILO”. (ll)