L-istrateġija dwar id-diżabilità għall-għaxar snin li ġejjin: l-UE għandha twitti t-triq fil-promozzjoni tal-politiki progressivi

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizza konferenza ta’ livell għoli li fiha laqqa’ flimkien atturi ewlenin fil-politika dwar id-diżabilità biex jiddiskutu l-istrateġija l-ġdida tal-UE f’dan il-qasam, strateġija li qed titfassal bħalissa u mistennija jkollha effett profond fuq miljuni ta’ ċittadini tal-UE b’diżabilità fl-oqsma kollha tal-ħajja matul l-għaxar snin li ġejjin.

L-għan tal-konferenza dwar It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b'diżabilità 2020-2030 kien li jiġu ppreżentati r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-KESE għall-istrateġija l-ġdida, iżda wkoll li tiġi offruta pjattaforma għall-iskambju u l-kontribut li se jiffurmaw parti mill-konsultazzjonijiet estensivi li se jikkontribwixxu għat-tħejjija u t-tlestija tagħha mill-Kummissjoni Ewropea fix-xhur bikrin tal-2021.

Hekk kif għandna Kummissjoni ġdida, Parlament ġdid u perjodu ta’ programmazzjoni tal-baġit ġdid, dan huwa mument ideali biex insawru strateġija ġdida għall-persuni b’diżabilità. Permezz tal-opinjoni tiegħu, il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni li kkontribwixxa għad-dibattitu tal-Kummissjoni dwar din it-tema, qalet Isabel Caño Aguilar, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, filwaqt li fetħet il-konferenza.

Waqt li kien qed jippreżenta l-proposti tal-KESE, ir-relatur għall-opinjoni tal-KESE, Yannis Vardakastanis, li huwa wkoll il-President tal-Forum Ewropew dwar id-diżabilità, qal li l-aġenda l-ġdida għandha tkun ferm aktar komprensiva u ambizzjuża minn dik attwalment fis-seħħ.

Il-KESE appella biex l-istrateġija l-ġdida tiġi allinjata b’mod sħiħ mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità (UNCRPD), mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-implimentazzjoni sħiħa għandha tiġi żgurata billi ssir pressjoni fuq l-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, biex jiżviluppaw strateġiji tagħhom stess dwar id-diżabilità.

Mr Vardakastanis enfasizza l-importanza li tingħata vuċi lill-organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità waqt it-tfassil u l-implimetazzjoni tal-politiki taħt l-aġenda dwar id-diżabilità.

L-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet li l-Kummissjoni tibbaża l-aġenda l-ġdida fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni kontinwa tal-istrateġija attwali, filwaqt li twassal ġustizzja akbar fil-ħajjiet ta’ kuljum taċ-ċittadini b’diżabilitajiet

Il-Kummissjoni mistennija tlesti l-evalwazzjoni tal-istrateġija attwali sa Lulju 2020, abbażi tal-abbozz ta’ aġenda, biex wara jsiru l-konsultazzjonijiet formali dwar l-istrateġija l-ġdida, li għandhom jitmexxew mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u msieħba oħrajn. Ladarba jinġabar il-feedback kollu, din se toħroġ il-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità fl-ewwel tliet xhur tal-2021. (ll)