Il-KESE id f’id mal-Kummissjoni Ewropea fil-promozzjoni tal-futur ekoloġiku tal-Ewropa

Il-KESE se jappoġġja l-impetu tal-Kummissjoni favur azzjonijiet li jikkorrispondu mal-aspirazzjonijiet sabiex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 u favur sostenibbiltà li tkun fil-qalba tar-responsabbiltà individwali u kollettiva tagħna. Fis-sessjoni plenarja li saret fi Brussell fl-20 ta’ Frar 2020, il-President tal-KESE Luca Jahier appoġġa l-programm ta’ ħidma ta’ din is-sena tal-Kummissjoni Ewropea u l-enfasi tiegħu fuq l-iżvilupp sostenibbli għal Ewropa aktar ekoloġika.

Waqt li kien qed jitkellem f’dibattitu ma’ Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, is-Sur Jahier indika li l-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-impetu fl-ewwel programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, li jixpruna t-tranżizzjoni lejn Ewropa ġusta, newtrali għall-klima u diġitali. “Aħna nappoġġjaw bis-sħiħ il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala mutur ewlieni għall-bidla u għalhekk il-KESE jkun lest jistabbilixxi djalogu permanenti dwar l-iżvilupp sostenibbli,” huwa ddikjara.

Is-Sur Šefčovič innota bi pjaċir li l-prijoritajiet ewlenin tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 jikkorrispondu ma’ dawk identifikati mill-Kumitat, jiġifieri t-tranżizzjoni diġitali u dik klimatika, l-isfidi tat-tibdil demografiku, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li n-negozji u l-industrija tagħna jkunu jistgħu jkomplu l-proċess ta’ innovazzjoni u kompetizzjoni f’ambjent globali aktar diffiċli. “Il-programm ta’ ħidma tal-2020 mhux biss ser jifforma l-bażi tal-ħidma tagħna għall-ewwel sena tal-mandat, iżda ser jistabbilixxi wkoll il-viżjoni, id-direzzjoni u r-ritmu għall-ħames snin li ġejjin u l-perjodu ta wara. Huwa programm ambizzjuż, bi 43 objettiv ta’ politika jew pakkett ta’ politika”, huwa enfasizza. (mp)