Il-ġejjieni sostenibbli tal-Ewropa jiddependi mill-aċċessibbiltà tal-materja prima għall-batteriji

L-Unjoni Ewropea teħtieġ tiżgura aċċess permanenti għall-materja prima malajr kemm jista’ jkun, biex b’hekk tiżviluppa industrija tal-batteriji b’saħħitha għall-vetturi elettriċi. Intwera tħassib serju dwar din il-kwistjoni f’dibattitu li sar fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020 mis-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN).

l-elettromobbiltà mifruxa, b’newtralità karbonika, hija l-pass ewlieni li jmiss għall-kisba tat-trasport sostenibbli u n-newtralità klimatika. Madankollu, huwa biss permezz ta’ aċċess kontinwu għall-materja prima tal-batteriji li l-Ewropa tista’ titbiegħed mill-fjuwils fossili u tħaddan l-elettrifikazzjoni.

Colin Lustenhouwer, relatur tal-opinjoni tal-KESE tas-sena li għaddiet dwar il-batteriji, indika li huwa kruċjali li titqajjem kuxjenza dwar il-miżuri urġenti meħtieġa u qal: “Irridu nieħdu azzjoni immedjata. L-aċċessibbiltà għall-materja prima hija kwistjoni kontinwa f’qasam fejn l-Ewropa għandha ftit riżorsi u trid tiggarantixxi l-provvista. L-elettrifikazzjoni hija l-unika soluzzjoni għall-fjuwil sostenibbli u dan jirrikjedi l-batteriji.”

Il-materja prima mhijiex disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti fit-territorju Ewropew u trid tiġi importata. Il-litju, in-nikil, il-manganiż u l-kobalt jiġu prinċipalment mill-Amerika t’Isfel u mill-Asja. Dan ifisser li jekk l-UE mhux se taġixxi, se ssir dejjem aktar dipendenti fuq pajjiżi terzi bħall-Brażil u ċ-Ċina.

Pierre Jean Coulon, president tas-sezzjoni TEN, temm jgħid: “Biex niżguraw ġejjieni sostenibbli, jeħtieġ li nqisu ċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji fl-intier tiegħu u nfornu lilna nfusna bir-riżorsi neċessarji. Huwa biss permezz ta’ pass enormi ’l quddiem matul is-snin li ġejjin li n-negozji Ewropej jistgħu jsiru atturi ewlenin fl-iżvilupp u l-użu tal-batteriji fis-suq globali." (mp)