Il-baġit il-ġdid tal-UE: Unjoni li tirsisti għal inqas?

Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

It-theddida kontinwa tal-Coronavirus u tal-kriżi tar-refuġjati, bl-aħħar żviluppi ta’ din it-traġedja umana li qed iseħħu issa fil-fruntiera bejn it-Turkija u l-Greċja, għal darb’oħra wrew kemm huwa urġenti li jkun hemm rispons Ewropew komuni għal kwistjonijiet li jmorru ferm lil hinn mill-kapaċitajiet tal-Istati Membri individwali. L-istituzzjonijiet Ewropej iridu, issa aktar minn qatt qabel, mhux biss jaqblu fuq miżuri u strateġiji madwar l-UE kollha, iżda b’mod aktar fundamentali jridu jappoġġjaw dawk l-inizjattivi b’riżorsi.

Il-motto tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida huwa “Unjoni li tistinka għal aktar”, b’għanijiet soċjali, ambjentali u politiċi ambizzjużi. Proposti bħall-paga minima tal-UE u l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom l-għan li jġibu lura l-fiduċja tal-pubbliku fl-Unjoni, jindirizzaw kwistjonijiet urġenti u jiżguraw li t-tranżizzjoni industrijali u ekoloġika tiġi indirizzta bl-iżjed mod sostenibbli, mil-lat soċjali, ekonomiku u ambjentali. Sabiex dawn l-għanijiet jingħataw sustanza, il-Parlament Ewropew ippropona li l-Istati Membri jikkontribwixxu 1,3 % tad-ING tagħhom għall-baġit, wara rakkomandazzjonijiet mill-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni. 

Madankollu, dawn iċ-ċifri, li huma l-minimu indispensabbli biex jinkiseb il-programm, tnaqqsu b’mod drastiku fil-Kunsill: xi Stati Membri qed jippruvaw inaqqsu l-QFP (Qafas Finanzjarju Pluriennali) għal 1 % tal-ING tal-Istati Membri — ferm inqas miċ-ċifra modesta tal-Kummissjoni ta’ 1,11 %. Dan x’aktarx ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 12 % għall-miżuri ta’ koeżjoni u ta’ 14 % għall-PAK, li jħalli l-pjani ambizzjużi ġodda mingħajr kontenut effettiv.

It-tnaqqis propost bħalissa għall-QFP jippreżenta r-riskju li l-Patt Ekoloġiku Ewropew ma jkunx effettiv, u dan jipperikola l-isforzi fundamentali ta’ koeżjoni tal-UE u jħalli l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bla saħħa fid-dawl tal-isfidi komuni. Issa, aktar minn qatt qabel, neħtieġu li l-Parlament Ewropew jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u l-Istati Membri jiftakru li l-Unjoni Ewropea tfisser aktar minn sempliċiment il-baġit. Hekk kif l-isfidi qed jiżdiedu barra l-UE u l-populiżmu qed jispekula fuq l-inugwaljanza, l-isforzi ta’ Ewroxettiċiżmu moderat minn xi partiti tradizzjonali fl-Ewropa mhuma fl-interess ta’ ħadd. (prp)