Is-soċjetà ċivika: is-sinsla tal-valuri Ewropej

Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Il-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE qed jorganizza konferenza f’Rijeka, il-Kroazja, biex jiddiskuti r-rwol tal-involviment ċivili biex jiġu indirizzati wħud mill-kwistjonijiet prinċipali li qed tiffaċċja l-Ewropa bħalissa.

Fl-aħħar snin, l-UE kienet qed tiffaċċja sfidi bħat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, iż-żieda fil-migrazzjoni u spazju dejjem jonqos għas-soċjetà ċivili, u dawn potenzjalment qegħdin idgħajfu b’modi ġodda il-valuri fundamentali tagħha.

Min-naħa l-oħra, l-UE hija xhud ukoll ta’ impenn ċiviku. Matul dawn il-proċessi, ħafna ċittadini madwar l-UE wrew is-solidarjetà tagħhom lejn l-oħrajn u r-rieda li jaħdmu lejn stili ta’ ħajja sostenibbli.

Il-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE jixtieq jittratta dan is-suġġett u jistieden lill-membri u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivika biex jiddiskutu r-rwol tagħhom fil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri fundamentali Ewropej bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt.

Il-konferenza, intitolata Is-soċjetà ċivika: is-sinsla tal-valuri Ewropej, ser issir fil-belt kostali Rijeka, fil-Kroazja u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2020, fil-Fakultà tal-Istudji Umanistiċi u Soċjali tal-Università ta’ Rijeka.

Id-diskussjoni ser tinqasam fi tliet panels, ippreseduti minn membri tal-KESE mill-Kroazja u li jagħmlu parti mill-Grupp Diversità Ewropa.

L-ewwel panel, immoderat minn Pavić-Rogoŝić, ser jindirizza r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivika fil-protezzjoni tal-pilastri ewlenin tad-demokrazija: ġudikatura u istituzzjonijiet indipendenti, soċjetà ċivili kritika u mezzi tax-xandir indipendenti.

Matul it-tieni panel, il-kelliema u l-pubbliku ser jiddiskutu kif l-UE u l-partijiet interessati tas-solidarjetà ċivika jistgħu jaħdmu flimkien fuq risposta sostenibbli għal flussi migratorji globali intensi. It-taħditiet ser jiġu ffaċilitati minn Marina Škrabalo.

L-aħħar panel, immoderat minn Toni Vidan, ser jiffoka fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda potenzjalment trasformattiva għall-UE.

Il-konferenza, li kienet skedata għall-25 ta’ Marzu, kellha tiġi posposta minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Għall-aġġornamenti ara:https://bit.ly/2xsqqEY (cl)