Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jinsisti fuq baġit tal-UE b’saħħtu għall-perjodu 2021–2027

Il-KESE tenna bil-qawwa l-appell tiegħu għal Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ekwivalenti għal 1.3 % tad-dħul nazzjonali gross tal-UE-27 għall-perjodu 2021-2027. Dan l-appell qed isir f’mument kruċjali fit-triq lejn ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, fejn il-Kunsill Ewropew għadu qiegħed jipprova jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu.

Waqt dibattitu tas-Sezzjoni ECO fi Frar dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar il-QFP flimkien ma’ Johan Van Overtveldt, President tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew, il-membri tal-KESE stiednu lill-Parlament jappoġġja baġit tal-UE ambizzjuż. Fl-isfond attwali ta’ inċertezzi ġeopolitiċi u ekonomiċi, megatendenzi globali, sfidi soċjetali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tadotta baġit b’saħħtu li jirrifletti l-azzjonijiet intenzjonati tagħha.

Il-President tas-Sezzjoni ECO, Stefano Palmieri qal: “Huwa kruċjali li l-QFP koerenti ta’ wara l-2020 jkun kapaċi jindirizza l-isfidi l-ġodda tal-UE: il-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid, il-bidliet li jirriżultaw mill-ekonomija diġitali u l-importanza li tinżamm politika ta’ koeżjoni effettiva.”

Issa aktar minn qatt qabel, l-UE teħtieġ baġit ġdid kredibbli u ambizzjuż li jkun kapaċi jissodisfa l-aspettattivi tan-nies, qalu l-membri tal-KESE.

Il-kelliem mistieden, is-Sur Van Overtveldt qal li hemm inċertezza dwar kif l-unità tal-Parlament fir-rigward tal-appoġġ għas-sejħa għal QFP ekwivalenti għal 1.3 % tad-dħul nazzjonali gross tista’ tevolvi matul in-negozjati fil-Kunsill. Huwa qal: “B’ċertezza nistqarr li hija l-intenzjoni soda tal-Parlament Ewropew li jinvolvi ruħi f’negozjati iebsa dwar il-kompromess aħħari.” Minkejja dan, il-Parlament se jinsisti fuq pjan ta’ kontinġenza, peress li ma jistax jiġi eskluż “xenarju ta’ ebda ftehim” qabel l-1 ta’ Jannar 2021, li se jkollu effetti negattivi fuq il-bidu fil-waqt ta’ programmi ġodda.

Fl-aħħar nett, il-kelliema ħeġġew lill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern biex jilħqu, kemm jista’ jkun malajr, ftehim fil-Kunsill Ewropew li l-Parlament Ewropew ikun jista’ jagħti l-approvazzjoni tiegħu għalih.

Ara l-Opinjoni korrispondenti tal-KESE . (jk)