In-negozju għal Ewropa newtrali mil-lat ta' klima – nagħmlu l-aħjar użu mill-SDGs u l-Patt Ekoloġiku

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Għadd dejjem jikber ta’ kumpaniji Ewropej diġà biddlu l-mentalità tagħhom u, minbarra l-aspetti strettament tan-negozju, issa qed jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti ambjentali u soċjali kif ukoll fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħhom. Sabiex it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika tirnexxi, jeħtieġ li l-UE tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tagħha, filwaqt li tagħti spinta lill-kompetittività u lill-investiment. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet tal-konferenza dwar In-negozju għal Ewropa newtrali mil-lat ta' klima – nagħmlu l-aħjar użu mill-SDGs u l-Patt Ekoloġiku, fid-9 ta’ Marzu fi Split, il-Kroazja.

"In-negozju m’huwiex il-problema iżda parti mis-soluzzjoni meta nkunu qed nitkellmu dwar il-kisba tan-newtralità klimatika u l-implimentazzjoni tal-SDGs”, osserva Jacek Krawczyk, president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, waqt il-ftuħ tal-konferenza.

Gordana Deranja, president tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tal-Kroazja, enfasizzat li l-punt tat-tluq huwa differenti skont il-pajjiż, u anke r-reġjun, fl-UE, u dan il-fatt irid jitqies aħna u nekoloġizzaw l-ekonomija.

"Il-progress fl-allinjament tal-ekonomija Ewropea mal-SDGs se javvanza b’rati differenti f’pajjiżi differenti tal-UE, iżda dan huwa l-punt ta’ bidla, speċjalment għall-ekonomiji iżgħar", qal Tomislav Ćorić, il-Ministru Kroat għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Enerġija.

L-ewwel panel ta’ diskussjoni ffoka fuq kif in-negozji integraw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħhom. Il-parteċipanti qablu li kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u ambjent kien qed ikollhom impatt dejjem akbar fuq id-deċiżjonijiet tal-klijenti. Huma biss dawk il-kumpaniji li aġġustaw ruħhom għall-mentalità l-ġdida u li ttrattaw l-SDGs bħala parti indispensabbli tal-mudell tan-negozju tagħhom li se jirnexxu fil-futur.

It-tieni panel ħares lejn il-konsegwenzi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-industrija tal-UE. Il-membri tal-panel ikkonkludew li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kellu jimxi id f’id ma’ kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji li qed jikkompetu fis-swieq globali.

Il-konferenza ġiet organizzata b’mod konġunt mill-Grupp ta’ Min Iħaddem, l-Assoċjazzjoni Kroata ta’ Min Iħaddem, il-Global Compact Network Croatia tan-NU u l-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università ta’ Split. (lj)