Il-futur tad-demokrazija fl-Ewropa huwa marbut direttament ma' Ewropa paċifika u federali

Il-futur tad-demokrazija fl-Ewropa kien diskuss f’konferenza ta’ jumejn fuq livell Ewropew u organizzata mill-President tal-KESE Georges Dassis fil-mużew tal-Akropoli, f’Ateni fl-1 u t-2 ta’ Marzu. F’kamra mimlija parteċipanti impenjati b’mod attiv mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-gvern Grieg, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-universitajiet, Georges Dassis ippreżenta r-raġunijiet favur Ewropa paċifika, federali li tiddefendi s-solidarjetà u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha.

"Il-populiżmu, li qed jiżdied b’mod perikoluż fil-pajjiżi Ewropej, ma jistax jiġi miġġieled bil-kliem. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi soluzzjonijiet tanġibbli għall-ħtieġa taċ-ċittadini għal sigurtà u xogħol għalihom innifishom u għal futur għat-tfal tagħhom", qal il-President tal-KESE, Georges Dassis. “Neħtieġu Unjoni li tista’ tipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Sabiex nikkumbattu l-populiżmu, sabiex nindirizzaw il-frustrazzjoni li jħossu l-persuni l-iktar vulnerabbli fil-pajjiżi tagħna, jeħtieġ li nqisu l-ewwel l-aspetti soċjali, naturalment, mingħajr ma nħallu l-ekonomija tal-UE tisfaxxa.”

Georges Dassis appella favur Ministru tal-Finanzi Ewropew li jkun politikament responsabbli u elett. Huwa semma l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u wera appoġġ għal listi transnazzjonali li jistgħu jiżguraw li l-fehmiet taċ-ċittadini jinstemgħu, “inkella l-elezzjonijiet nazzjonali se jkunu dwar kwistjonijiet nazzjonali u mhux dwar kwistjonijiet Ewropej,” huwa saħaq.

F'avveniment fil-marġni tal-konferenza, Georges Dassis irċieva premju mingħand il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Grieg (KES) għall-impenn tiegħu lejn, u l-appoġġ għal djalogu soċjali fl-Ewropa. (ks)